Il-Membru Parlamentari Laburista Nigel Vella qajjem mistoqsijiet dwar il-fatt li Joseph Farrugia rritorna l-midalja ta’ Ġieħ ir-Repubblika, iżda għadu qed jirċievi ħlasijiet minn ħatriet fuq bordijiet iffinanzjati mill-Gvern.
Fi stqarrija li ppubblika, Vella fakkar kif ftit ġimgħat ilu Farrugia ddeċieda li jirritorna l-midalja, wara li qal li kien ħassu maqtugħ minn Malta u li ma kienx għadu kburi b’pajjiżu.
Vella qal li ma għandu xejn personali kontra Farrugia u jemmen li dan kien ħaqqu jirċievi dan l-unur fl-2024. Madankollu, staqsa kif Farrugia ma kienx komdu jżomm l-ogħla rikonoxximent li jista’ jagħti pajjiż, iżda ma kellux problema li jkompli jirċievi ħlasijiet mill-amministrazzjoni tal-Istat.
Skont informazzjoni li Vella qal li kiseb permezz ta’ mistoqsijiet parlamentari, Farrugia kien u għadu jservi fuq diversi bordijiet li jinvolvu ħlas mill-Gvern. B’kollox, dawn jinkludu ħames ħatriet li, skont Vella, iġibu magħhom ħlas ta’ madwar €20,000 fis-sena.
Il-Membru Parlamentari spjega wkoll li Farrugia ma nħatarx direttament mill-Gvern, iżda ġie nnominat f’diversi okkażjonijiet f’isem wieħed mill-korpi kostitwiti ta’ Malta.
Vella sostna li jekk Farrugia ħass li r-rikonoxximent mogħti lilu mill-Istat ma kienx għadu jirrappreżentah, kellu jikkunsidra wkoll li jirritorna l-flus li rċieva u għadu qed jirċievi minn dawn il-ħatriet.
Id-Deputat Laburista temm jgħid li, fil-fehma tiegħu, dan ikun mod kif tinżamm il-konsistenza u jingħata eżempju tajjeb minn dawk li għandhom rwol fil-ħajja pubblika.
