Saturday, December 28, 2024

Isiru żewġ laqgħat ta’ informazzjoni għall-applikanti ġodda tal-liċenzja tal-bennej

Aqra wkoll

It-Tlieta 15 ta’ Ottubru, saru l-ewwel laqgħat ta’ preparazzjoni u informazzjoni għall-applikanti l-ġodda għal-liċenzja tal-bennejja. Dawn il-laqgħat ta’ informazzjoni, li raw attendenza numeruża, huma l-ewwel stadju minn proċess ta’ erba’ stadji differenti, hekk kif issa imiss is-sessjonijiet obbligatorji u l-eżamijiet. Dawn iż-żewġ laqgħat kienu indirizzati mic-Chairperson tal-Kumitat dwar il-liċenzjar tal-Bennejja, il-Perit Godwin Agius, li spjega aħjar lill-applikanti bil-proċess li ser jgħaddu minnu sabiex jiksbu l-liċenzja tal-bennej.

Fiż-żewġ laqgħat li saru ilbieraħ, waħda bil-lingwa Maltija u oħra bil-lingwa Ingliża, kien spjegat fid-dettall kif ser isiru erba’ sessjonijiet ta’ tagħlim. Dawn is-sessjonijiet huma obbligatorji, u għaldaqstant kull bennej li applika għal-liċenzja ta’ bennej irid jattendi għalihom. Dawn is-sessjonijiet ta’ tagħlim ser jgħinu lill-bennej jipprepara tajjeb għal fazi tal- eżamijiet tat-teorija u l-prattika.

Il-Perit Godwin Agius, qal li dan huwa mod ġdid ta’ kif wieħed issa jista’ jikseb il-liċenzja ta’ bennej, wara riforma li saret fil-liġi tal-liċenzjar tal-bennejja, liema liġi kienet ilha fis-seħħ ‘l fuq minn 100 sena.

“Bl-introduzzjoni tal-avviż legali l-ġdid hemm bidliet sinifikanti f’din il-liċenzja. Il-bidliet mhumiex biss kif wieħed jikseb il-liċenzja imma kif bniedem wara li jagħmel affarijiet li mhux mitluba minnu li jagħmel, jista titeħidlu din il-liċenzja. Per eżempju meta l-kumitat jeżamina l-persuna għall-kapaċita hemm sillabu li fuqu il-kumitat irid jeżamina din il-persuna. Qabel ma kien jeżisti l-ebda sillabu.” temm jgħid il-Perit Agius.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, innotta l-proċess rigoruż lil l-Kumitat dwar il-liċenzjar tal-Bennejja u l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni qed imexxu fil-liċenzjar ta’ dawn il-bennejja.

“Dan il-proċess ser iwassal sabiex tkompli tiġi valutata l-arti u s-sengħa fuq il-lant tax-xogħol, u li permezz tiegħu mistennija tiżdied il-kwalità fil-qasam tal-kostruzzjoni. Dan ir-reġim il-ġdid ta’ liċenzjar jikkumplimenta wkoll ir-riforma li għaddejja fis-settur tal-kuntratturi, dawk li jaħdmu fil-qasam tad-demoluzzjoni, l-iskavar u l-bini,” temm jgħid il-Ministru Attard.

Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll l-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-Perit Roderick Bonnici, u diversi rappreżentanti mill-istess Awtorità.

Dan il-proċess għal dawk li kienu applikaw għal-liċenzja tal-bennejja sal-11 ta’ Ottubru tal-2024, mistenni jieħu sal-21 ta’ Novembru 2024. Fi tmiem ta’ dan il-proċess, il-Kumitat dwar il-Liċenzjar tal-Bennejja flimkien mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, ser ikunu qed jerġu jilqgħu applikazzjonijiet ġodda għal-liċenzja tal-Bennejja.

Ekonomija

Sport