Nhar il-Ġimgħa, il-ġurija semgħet kif ir-recordings ta’ Melvin Theuma, il-messaġġi fuq Signal u d-data estratta mill-mobile ta’ Yorgen Fenech kienu fost il-provi li, skont il-prosekuzzjoni, taw direzzjoni ġdida lill-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-ġuri ta’ Yorgen Fenech dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jkompli llum quddiem l-Imħallef Edwina Grima, bil-prosekuzzjoni mistennija tkompli tressaq ix-xhieda tal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud.
Nhar il-Ġimgħa, Arnaud ta rendikont dettaljat ta’ kif żviluppat l-investigazzjoni wara l-arrest ta’ Melvin Theuma f’Novembru tal-2019. Il-ġurija semgħet kif ir-recordings li Theuma kien għamel b’mod sigriet, il-konverżazzjonijiet fuq Signal u l-informazzjoni estratta mill-mobile ta’ Yorgen Fenech bdew isiru fost l-aktar provi importanti fil-każ.
Fost l-aktar punti li spikkaw kien hemm ix-xhieda dwar Edgar Brincat, magħruf bħala l-Ġojja. Skont Arnaud, Brincat kien allegatament ta parir lil Theuma biex, waqt li kien jirrekordja konverżazzjonijiet, isemmi lill-persuni b’isimhom sabiex aktar tard ikun jista’ jiġi stabbilit b’mod ċar min kien qed jitkellem. Il-Qorti semgħet ukoll li Brincat allegatament kien ħeġġeġ lil Theuma biex ma jersaqx għand il-Pulizija, filwaqt li meta ġie arrestat huwa għażel li ma jwieġeb l-ebda mistoqsija tal-investigaturi.
Arnaud kompla jispjega kif il-Pulizija analizzat il-kontenut tal-mobile ta’ Fenech, li wassal għal aktar investigazzjonijiet u għall-arresti ta’ Keith Schembri u Dr Adrian Vella. Skont ix-xhud, l-investigaturi sabu wkoll komunikazzjonijiet li, fil-fehma tagħhom, kienu jindikaw li Fenech kien qed jikkunsidra li jitlaq minn Malta hekk kif l-investigazzjoni bdiet tersaq lejh.
Il-ġurija rat ukoll il-kundizzjonijiet tal-maħfra presidenzjali mogħtija lil Melvin Theuma, kif ukoll diversi dokumenti u estratti ta’ messaġġi u recordings li ġew eżaminati mill-investigaturi matul il-każ.
Mistennija li llum il-prosekuzzjoni tkompli tgħaddi mill-provi tagħha permezz tax-xhieda ta’ Keith Arnaud, hekk kif il-ġuri jidħol fil-ħames jum tiegħu.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-AG Godwin Cini, Anthony Vella, u Danika Vella, bl-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra. Id-difiża hija mmexxija mill-avukat Charles Mercieca flimkien ma’ Gianluca Caruana Curran. Għall-familja Caruana Galizia qed jidhru l-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi. L-Imħallef Edwina Grima qed tippresjedi l-ġurija.



