L-Uffiċċju Meteoroloġiku qiegħed ibassar temp kiesaħ u riħ qawwi għall-jiem li ġejjin.
Fil-fatt, riħ qawwi mill-Majjistral, li jilħaq Forza 6 għal 7, mistenni jikkaraterizza l-ġurnata ta’ għada, Lejliet il-Milied. Għada, l-ogħla temperatura mistennija tilħaq l-14°C u tinżel sa 8°C ma’ nżul ix-xemx. It-temperaturi jafu jinħassu iżjed kiesħa minħabba r-riħ qawwi mill-Majjistral. Apparti minn hekk, it-temp mistenni jkun pjuttost imsaħħab, bil-possibbilità ta’ ħalbiet tax-xita li jistgħu jkunu bis-silġ.
Temp simili huwa mistenni għal jum il-Milied, bir-riħ jibqa’ qawwi mill-Majjistral it-Tramuntana (Forza 6 għal 7), għalkemm sa filgħaxija mistenni jnaqqas mill-qawwa hekk kif idur mill-Grieg it-Tramunatana (Forza 3 għal 4). L-ogħla temperatura mistennija li terġa’ titla’ sa 14°C u tinżel għal 7°C mal-lejl. Matul il-jum huma mbassra wkoll xi ħalbiet tax-xita, bit-temp jibqa’ l-biċċa kbira msaħħab.
Għal dawk li l-għada tal-Milied mhux se jkunu xogħol u qed jippjanaw li jqattgħu l-ġurnata tal-Istrina barra, it-temp mistenni jkun favurihom. Ir-riħ se jbatti sew u qed nistennew temp ftit imsaħħab b’temperatura ta’ 15°C matul il-ġurnata u li tinżel sa 8°C mal-lejl.
Filwaqt li nawgurawlkom Milied hieni, inħeġġukom issegwu l-aħħar tbassir tat-temp fuq is-sit tagħna: https://www.maltairport.com/weather.