Thursday, December 26, 2024

It-tfal jagħtu proposti għal Unjoni Ewropea aħjar

Aqra wkoll

Madwar 260 tifel u tifla ppreżentaw il-proposti tagħhom lill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela u lill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, li nġabru mill-attivitajiet ta’ Skolasajf, sabiex jinbena futur aħjar għalina u għaċ-ċittadini Ewropej.

Bħala parti mill-konferenza li għaddejja dwar il-futur tal-Ewropa, fejn l-UE qed tagħti l-opportunità biex iċ-ċittadini Ewropej isemmgħu leħinhom u jagħtu l-ideat kif jixtiequ jaraw l-UE fil-futur, is-Servizzi Ewropej f’Malta u Europe Direct Valletta organizzaw attivitajiet b’rabta ma’ Skolasajf f’26 ċentru f’Malta u Għawdex.

Madwar 260 tifel u tifla ħadu sehem f’dawn l-attivitajiet ta’ Skolasajf, li matulhom it-tfal kellhom l-opportunità li jesprimu l-ideat tagħhom dwar il-futur tagħhom bħala ċittadini Ewropej. Dan seta’ jsir permezz ta’ poster imħejji minn SEM bit-tema ‘Nibnu l-Futur Illum’, u t-tfal setgħu jagħżlu tema li tolqothom, u jikkumentaw dwar aspetti fejn jixtiequ jaraw żvilupp għall-aħjar.

Il-Ministru Carmelo Abela, filwaqt li faħħar l-inizjattiva ta’ SEM u Europe Direct Valletta, b’kollaborazzjoni mall-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, għall-attivitajiet li organizzaw b’rabta ma’ Skolasajf, esprima li jemmen bis-sħiħ li pajjiż jimxi ’l quddiem bis-sehem ta’ kulħadd. Il-Ministru Abela żied jgħid li għandna nirreferu għat-tfal u ż-żgħażagħ bħala l-mexxejja tal-lum, fejn bi tmexxija ma nirreferux għal dawk li jkollhom xi pożizzjoni biss, iżda rridu ninkludu wkoll lit-tfal u ż-żgħażagħ li għandhom ideat u ħsibijiet għal ġid tas-soċjetà.

B’referenza għall-konklużjonijiet ta’ dawn l-attivitajiet li ġew preżentati minn Naomi Mangion u Amy Lanzon, żewġt itfal miċ-Ċentru ta’ Skolasajf tal-Fgura fil-preżenza tal-koordinatur taċ-ċentru s-Sur George Galea, il-Ministru Abela esprima b’sodisfazzjon il-fatt li t-tfal jagħrfu l-prijoritajiet tal-valuri tagħhom, u li lesti jagħtu sehemhom li jkunu ċittadini attivi, filwaqt li jistennew futur sigur u b’saħħtu mibni mill-adulti.

Il-Ministru Abela temm jgħid li t-tfal u l-kbar għandhom ħafna x’jitgħallmu minn xulxin, u li hija fir-responsabbiltà tagħna l-adulti li jinbena ambjent li jilqgħahom, u li jgħinhom jikbru f’kull aspett tal-ħajja.

Il-Ministru Justyne Caruana qalet li l-fulkru ta’ dan l-eżerċizzju kollu huwa li jkollna ċittadinanza attiva fost it-tfal li huma l-futur tagħna, u li qed iħossu l-effetti tad-deċiżjonijiet li qed nieħdu aħna llum f’kuntest mhux biss ta’ pajjiż, imma f’kuntest ta’ pajjiż bħala membru tal-Unjoni Ewropea fejn għaddejjin taħdidiet biex ikollna Unjoni aktar qrib taċ-ċittadin li tindirizza l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini tagħha, speċjalment iċ-ċittadini żgħar.

Il-Ministru Caruana kompliet, “Jiena meta jkolli okkażjonijiet li niltaqa’ ma’ entitajiet u wkoll fl-iskejjel, nagħti messaġġ ċar, li mhux nisimgħu lit-tfal biss irridu, imma biex ikunu aktar ċittadini attivi, irridu naraw li dak li jwasslulna jarawh jitwettaq. Aħna meta nitkellmu fuq ir-riformi li qed nagħmlu fis-settur edukattiv, qed nitkellmu lil hinn mill-edukazzjoni tal-bankijiet tal-iskola, imma qed nitkellmu dwar formazzjoni ta’ ċittadini attivi li rriduhom jipparteċipaw minn issa fl-andament ta’ pajjiżna, imma li eventalment ukoll ħa nkunu qed nafdawhom bir-riedni ta’ pajjiżna. Allura rridu nippreparawhom.”

Fi SkolaSajf ta’ din is-sena, ħadu sehem madwar 9,000 tifel u tifla f’58 ċentru mifruxa ma’ Malta u Għawdex, u l-attivitajiet kollha b’mod ġenerali kellhom it-tema ‘An I in every Winner’, tema immirata biex tiċċelebra t-talenti u s-suċċessi individwali – il-motivazzjoni tat-tfal biex jaħdmu fuq il-punti tajbin tagħhom sabiex jirnexxu fit-toroq magħżula tagħhom.

Ekonomija

Sport