Fit-tielet jum tal-ġuri dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Prosekuzzjoni bdiet tressaq ix-xhieda tagħha, bl-ewwel xhud ikun l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud li kien l-investigatur ewlieni fil-każ.
Is-Sur Arnaud, li fl-2017 kien Spettur fit-Taqsima tal-Omiċidji, iddeskriva kif l-investigazzjoni nbniet “biċċa biċċa” permezz ta’ xogħol forensiku, analiżi tat-telekomunikazzjoni u assistenza mill-FBI u l-Europol.
Ix-xhud beda billi spjega kif hu u l-Ispettur Kurt Zahra waslu fuq il-post ftit minuti wara l-isplużjoni tas-16 ta’ Ottubru 2017.
L-ewwel prijorità, qal, kienet li x-xena tinżamm intatta sakemm jaslu l-esperti barranin. Il-karozza tal-vittma ma tneħħietx qabel l-għada, filwaqt li ż-żona baqgħet magħluqa għal kważi ġimgħa.
L-investigaturi waslu wkoll għall-konklużjoni li l-apparat splussiv kien tqiegħed ġewwa l-vettura u mhux taħtha. L-analiżi forensika aktar tard ikkonfermat li kien intuża TNT.
Arnaud qal ukoll li l-investigaturi raw l-aħħar minuti ta’ Caruana Galizia bl-għajnuna ta’ binha Matthew, li spjega kif ommu kienet ħarġet mid-dar, reġgħet daħlet biex tieħu ċ-chequebook li kienet insiet warajha, u ftit minuti wara, seħħet l-isplużjoni.
Il-postijiet minn fejn kienet qed tiġi osservata
Parti sostanzjali mix-xhieda tiegħu ffukat fuq kif il-pulizija identifikat żewġ postijiet minn fejn il-movimenti ta’ Caruana Galizia setgħu jiġu osservati mingħajr ma jintlemħu.
Resident wieħed kien informa lill-investigaturi li fil-jiem ta’ qabel il-qtil kien ra karozza bajda b’reġistrazzjoni li kienet tibda bl-ittri “QZ” ipparkjata għal ħin twil qrib wieħed minn dawn il-punti.
Waqt tfittxija fiż-żona, il-pulizija sabet loqma ta’ sigarett taħt siġra. Minnha ġie estratt profil tad-DNA ta’ raġel, li sar parti mill-investigazzjoni.
L-aktar xhieda teknika kienet dwar l-analiżi tat-telekomunikazzjoni. Arnaud spjega kif minn eluf ta’ konnessjonijiet mas-cell towers fil-Bidnija, l-investigaturi iżolaw żewġ SIM cards li kienu jikkomunikaw biss bejniethom.
Waħda minnhom kienet installata fl-apparat splussiv u kienet tibgħat aġġornamenti tal-lokalità tagħha sal-mument tal-isplużjoni.
Espert tal-FBI, qal Arnaud, irnexxielu jibni mill-ġdid l-apparat minn frammenti elevati mix-xena u jikkonferma li SMS partikolari kien il-kmand li attiva l-bomba.
It-tieni SIM card, min-naħa tagħha, kienet qed tikkonnettja mas-cell towers tal-Port il-Kbir. Il-mod kif kienet qed taqbeż bejn antenna u oħra wassal lill-investigaturi għall-konklużjoni li min bagħat il-messaġġ fatali kien fuq il-baħar u mhux fuq l-art.
Arnaud spjega wkoll kif l-investigazzjoni wasslet għal tliet burner phones li, skont il-pulizija, intużaw minn George Degiorgio, Alfred Degiorgio u Vince Muscat. Il-movimenti tagħhom, qal, kienu jikkorrispondu mal-movimenti personali tat-tliet irġiel, filwaqt li fil-jiem ta’ qabel il-qtil dawn dehru ripetutament fil-Bidnija.
Fl-għodwa tas-16 ta’ Ottubru, wieħed mill-apparati baqa’ qrib ir-residenza ta’ Caruana Galizia, filwaqt li ftit qabel l-isplużjoni Alfred Degiorgio ċempel lil George Degiorgio u s-sejħa baqgħet attiva sal-ħin tad-detonazzjoni.
Is-Sur Arnaud xehed li burner phone użat minn George Degiorgio spiċċa bla credit proprju dakinhar tal-qtil.
Peress li kien fuq il-baħar, Degiorgio allegatament talab lil persuna oħra biex tixtrilu top-up u tibgħatlu l-kodiċi permezz ta’ SMS. Skont Arnaud, dan kien “żball” li għen biex il-pulizija torbot l-apparat direttament miegħu.
Ix-xhud spjega wkoll kif il-pulizija waslet ukoll għall-movimenti tad-dgħajsa Maya. Filmati tas-sigurtà u rikostruzzjoni li saret aktar tard wasslu lill-investigaturi għall-konklużjoni li kienet l-istess dgħajsa li dehret tieqaf taħt il-Barrakka ta’ Fuq fil-ħin tal-isplużjoni, fl-istess żona koperta miċ-cell tower li miegħu kienet konnessa s-SIM card li bagħtet il-kmand biex tisplodi l-bomba.
Lejn tmiem il-għodwa, Arnaud ikkonferma wkoll li qabel l-arresti ta’ Novembru 2017 hu kien mar darbtejn Kastilja flimkien mal-Assistent Kummissarju ta’ dak iż-żmien Silvio Valletta biex jagħti aġġornamenti lill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Joseph Muscat, dwar il-progress tal-investigazzjoni.
Huwa enfasizza li f’dawk il-laqgħat ma ssemmewx ismijiet ta’ suspettati. Intqal ukoll li l-aħwa Degiorgio u l-Koħħu tressqu l-Qorti fil-5 ta’ Diċembru. Seba’ persuni oħra kienu ġew arrestati u mitkellma mill-pulizija.
Il-prosekuzzjoni tistaqsi dwar il-kampjun ta’ DNA li ttieħed mill-loqom tas-sigarett. Ix-xhud qal li meta ġew arrestati ittieħdu kampjuni ta’ DNA lill-persuni kollha. Meta mqabbel irriżulta li d-DNA kien jaqbel ma’ ta’ Alfred Degiorgio.
Is-Sur Arnaud qal ukoll li l-Europol dejjem baqgħu jassistu lill-pulizija. Fil-fatt kien hemm nies li kienu janalizzaw bir-reqqa l-blog tal-vittma.
Il-ġuri jkompli


