Il-Ministeru għal Għawdex ħabbar li Ronald Sultana nħatar bħala l-Kap Eżekuttiv il-ġdid ta’ Gozo Channel Operations Ltd, filwaqt li l-Avv. Marlene Cini nħatret bħala l-ewwel Chairperson mara tal-istess kumpanija. L-irwoli ta’ chairperson u ta’ kap eżekuttiv ġew separati, bil-kariga ta’ kap eżekuttiv issir rwol full-time, iffukata fuq it-tmexxija ta’ kuljum tal-kumpanija u t-trasformazzjoni tagħha fit-tul. Il-konnettività se tkun prijorità ewlenija matul din il-leġiżlatura, b’investimenti kbar fil-Gozo Channel, fil-Port tal-Imġarr u fl-Air Field tax-Xewkija.
Il-ħatra tal-Kap Eżekuttiv Ronald Sultana timmarka tranżizzjoni importanti għal waħda mill-aktar entitajiet strateġiċi ta’ Għawdex. Din il-ħatra saret fi żmien meta l-kumpanija qed tiffaċċja l-isfida tal-immodernizzar tal-flotta tagħha u tat-titjib tas-sistemi diġitali u dawk relatati mas-servizz tal-klijenti.
L-għarfien ta’ Ronald Sultana dwar is-settur tat-turiżmu f’Għawdex, flimkien mal-kapaċità tiegħu li jittraduċi l-istrateġija f’riżultati konkreti, ipoġġuh f’pożizzjoni b’saħħitha biex imexxi lill-kumpanija matul din it-trasformazzjoni. Ronald Sultana kien ilu jservi bħala Direttur responsabbli mit-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex mill-2019. Matul dan il-perjodu, Għawdex irreġistra tkabbir sinifikanti fit-turiżmu u fl-investiment.
Iċ-Chairperson Dr Marlene Cini hija avukat b’esperjenza estensiva fl-amministrazzjoni pubblika, l-affarijiet legali, il-governanza korporattiva u t-tmexxija strateġika. L-Avukat Cini okkupat diversi karigi għolja ta’ governanza, fosthom Segretarju tal-Bord ta’ Gozo Channel (Operations) Ltd, Segretarju tal-Bord tal-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex, Viċi Kap tad-Delegazzjoni Maltija fil-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa. Hija gradwat b’Dottorat fil-Liġi mill-Università ta’ Malta u għandha Ċertifikat Professjonali fit-Tassazzjoni.
Gozo Channel Operations Ltd se tidħol f’fażi importanti, bi ħtieġa ta’ investiment sostanzjali biex timmodernizza u żżid il-flotta tagħha b’reazzjoni għad-domanda dejjem tikber, ittejjeb is-sostenibbiltà u ssaħħaħ l-effiċjenza operattiva.
Fl-istess ħin, se ssir ħidma sabiex jiġu aġġornati l-pjattaformi diġitali, inklużi s-sistemi tal-biljetti u ċ-channels tal-marketing, sabiex jiġi offrut servizz aktar effiċjenti u ffukat fuq il-klijent.
Il-Ministeru għal Għawdex jirringrazzja lill-eks Chairman ta’ Gozo Channel Ltd. Joe Cordina għall-ħidma tiegħu u għas-servizz li ta lill-kumpanija matul l-aħħar snin.


