Sunday, December 22, 2024

It-twaqqif tal-Awtorità klimatika turi t-tmexxija li Malta qed tieħu f’dan il-qasam

– il-Ministru Miriam Dalli

Aqra wkoll

Il-fatt li Malta se tkun fost l-ewwel pajjiżi fid-dinja li se twaqqaf Awtorità ffukata fuq l-azzjoni dwar il-klima tpoġġi lil pajjiżna fuq quddiem fil-ħidma kontra din l-isfida globali. Dan qalitu l-Ministru għall-Ambjent, Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli waqt konferenza bit-tema, ‘ClimateON: Today’s Legacy’.

“Storikament Malta dejjem kienet minn ta’ quddiem fl-innovazzjoni – konna fost l-ewwel pajjiżi li neħħejna l-użu tal-faħam, qlibna mill-Heavy Fuel Oil għall-gass, qed ninvestu fir-rinnovabbli u qed indaħħlu kunċetti innovattivi bħalma huma l-green bonds u l-pjattaforma tal-ESG. Issa, qed nkunu wkoll minn ta’ quddiem bil-proċess li nwaqqfu l-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima. Għalhekk kburija b’pajjiżi u b’dak li kontinwament naħdmu għalih,” qalet il-Ministru Dalli.

“Dan huwa tragward importanti għax irridu naraw li l-isforzi kollha li jsiru u l-policies relevanti jkunu kollha miġbura taħt kappa waħda biex tassew ikun hemm koordinazzjoni bejn il-ministeri, l-entitajiet u l-awtoritajiet differenti,” kompliet il-Ministru Dalli.

Il-konferenza ġiet imtella’ bħala parti mill-proċess ta’ djalogu nazzjonali li huwa meħtieġ biex il-pajjiż jagħmel il-parti tiegħu quddiem din l-isfida globali bħala poplu wieħed magħqud.

Dan il-proċess se jkompli jirranka bit-twaqqif ta’ din l-Awtorità li bħalissa għaddej mill-proċess parlamentari. Il-Ministru Dalli enfasizzat li l-fenomenu tat-tibdil fil-klima u l-azzjonijiet li rridu nieħdu bħala pajjiż jirrikjedi l-involviment ta’ kulħadd, l-ideat ta’ kulħadd u fuq kollox, l-azzjoni ta’ kulħadd.

“L-azzjoni klimatika tmur lill hinn mill-gvern tal-ġurnata. Il-mitigazzjoni u l-adattament huma r-responsabilità u l-missjoni ta’ kulħadd,” tenniet il-Ministru.

Il-konferenza ġabret il-parteċipazzjoni ta’ stakeholders minn oqsma differenti, fosthom akkademiċi, xjentisti, is-settur pubbliku, is-settur privat, imsieħba soċjali, żgħażagħ u għaqdiet. Fost il-kelliema ewlenin kien hemm il-Profs Simone Borg, l-Ambaxxattriċi Maltija għat-Tibdil fil-Klima, Jacob Werksman, in-negozjatur tal-UE għal COP28 u Brad Archer, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Awstraljana dwar it-tibdil fil-klima.

“Rajna x’qed jiġri fl-Awstralja u f’partijiet oħra tad-dinja biex nimmudellaw l-Awtorità Maltija fuq prattiċi tajbin. Nemmen li l-fatt li aħna żgħar u gżira, u allura l-effetti tat-tibdil fil-klima fuqna huma akbar, ifisser li nkunu l-aktar voċiferi u l-aktar li għandu jkollna determinazzjoni biex nikkonvinċu,” stqarret il-Ministru Dalli.

Il-panel discussion tmexxiet mill-ġurnalist Mark Laurence Zammit, bil-parteċipazzjoni tal-Profs Godfrey Baldacchino, l-ekonomista Dr Jonathan Spiteri, iċ-Chairperson tal-MCESD David Xuereb u l-esperta fil-qasam tal-ESG, Rachel Decelis.

Ekonomija

Sport