Saturday, December 21, 2024

Iwieġeb mhux ħati ta’ attentat ta’ qtil ta’ żewġt bniet fil-Marsa

Aqra wkoll

Nazzareno Dalli magħruf bħala Ronald ta’ 43 sena wieġeb mhux ħati meta ftit tal-ħin ilu kien akkużat bi qtil ta’ żewġt ibniet fil-Marsa.

Hu qiegħed jiġi akkużat bi 11-il kap tal-akkuża.

Il-każ seħħ nhar is-Sibt li għadda meta r-raġel allegatament daħal f’dar fi Triq San Tumas fil-Marsa u attakka żewġt ibniet ta’ 12 u 15-il sena. Magħhom kien hemm tifel ta’ 14-il sena.

It-tifel ma sofra l-ebda ġrieħi għalkemm ukoll ittieħed l-isptar, iżda t l-tifla ta’ 12-il sena qiegħda fil-periklu tal-mewt filwaqt li dik ta’ 15-il sena sofriet ġrieħi gravi.

Hu kien akkużat ukoll li fil-pussess tiegħu kellu droga tal-kokaina u li għamilha ta’ gwardjan privat mingħajr liċenzja. Dalli qed jiġi akkużat ukoll li huwa riċediv.

Meta fil-Qorti ġie mistoqsi x’jagħmel biex jgħix, Dalli wieġeb li “jaħdem”.

Ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest u l-Qorti ordnat li jibqa’ jinzamm arrestat fil-ħabs ta’ Kordin.

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ppresediet il-każ.

L-avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi u Nicholas Mifsud qed jidhru għal Dalli.

L-Ispettur Wayne Camilleri u Ian Vella qegħdin imexxu l-Prosekuzzjoni bl-għajnuna tal–Avukati Etienne Savona u Manuel Grech mill-uffiċju tal-Avukat Ġenerali.

Ekonomija

Sport