Nhar is-Sibt se ssir iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja tal-għażiż Jake Vella fil-Knisja Parrokkjali ta’ Birżebbuġa. Tfajjel li ħalla impatt enormi fuq il-poplu Malti u Għawdxi. Jake, ta’ 15-il sena miet nhar il-Ġimgħa wara għaxar snin jissielet ma’ marda kiefra u rari.
Ma setax jonqos li għadd sabiħ ta’ persuni fakkru u sellmu liċ-ċkejken Jake, meta tħabbret il-mewt tiegħu, fosthom il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.
Fuq il-mezzi soċjali tiegħu, il-Ministru Grima rrikonoxxa l-impatt li ħalla Jake, u ddeskriva lil Jake bħala bniedem uniku u ta’ ispirazzjoni għall-poplu Malti u Għawdxi kollu. Fuq post ieħor li tella’ l-Ministru Grima, fejn xerred fuq il-mezzi soċjali intervista li saret lill-ġenituri ta’ Jake minn ONE News, missier it-tfajjel Josie rringrazzja lill-Ministru Clifton Grima ta kemm kien ta’ appoġġ kontinwu għal binhom.
Wera x-xewqa wkoll tiegħu u ta’ martu Marouska li jitpoġġa ritratt ta’ Jake fil-pixxina nazzjonali Tal Qroqq. Jake kien iqis il-pixxina bħala t-tieni dar tiegħu. Tant li ta’ spiss kont tara lil Jake jipprattika l-għawm, waħda mid-dixxiplini sportivi li kienu ħafna għal qalbu.
Il-Ministru Grima mal-ewwel wieġeb, “dik hi l-inqas ħaġa li jista’ jsir mill-Gvern, anke għax Jake ħaqqu tassew jiġi rikonoxxut u, kif kien matul ħajtu, jibqa’ jkun għajn ta’ ispirazzjoni għall-bqija tal-poplu”.
B’hekk, Jake Vella se jibqa’ mfakkar f’wieħed mill-postijiet favoriti tiegħu u għalhekk jibqa’ jkun ta’ ispirazzjoni b’marka permanenti li se tkun iddedikata għalih fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq.