Raġel ta’ 37 sena residenti Birżebbuġa ngħata probation għal perjodu ta’ tliet snin wara li ammetta li aggredixxa lil ommu waqt argument tal-familja li spiċċa f’wieħed vjolenti.
Fil-Qorti, l-imputat ammetta numru ta’ akkużi, fosthom li wettaq vjolenza domestika fuq ommu, li kkaġunalha ġrieħi ħfief, li hedded membri tal-familja tiegħu u li għamel insulti u theddid waqt l-inċident.
Il-Qorti semgħet kif l-inċident seħħ fl-24 ta’ Ġunju fir-residenza tal-familja f’Birżebbuġa, fejn inqala’ argument bejn l-imputat u l-qraba tiegħu. Ingħad li matul l-argument, l-imputat allegatament aggredixxa lil ommu, bil-konsegwenza li din sofriet minn ġrieħi ħfief.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li wara l-arrest tal-imputat, dan ikkopera bis-sħiħ mal-pulizija, ammetta r-reati u esprima dispjaċir għal dak li kien għamel. Il-validità tal-arrest ma ġietx ikkontestata mid-difiża u ġiet ikkonfermata mill-Qorti.
Wara li qieset l-ammissjoni bikrija tiegħu, il-Qorti poġġiet lill-imputat taħt ordni ta’ probation għal tliet snin. Hija ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin għal tliet snin favur il-vittmi u ordnatlu jattendi programm ta’ għajnuna sabiex jikkontrolla r-rabja.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit, filwaqt li l-Avukat Amadeus Cachia deher għall-imputat. Il-Maġistrat Ann Marie Thake ppresediet il-każ.

