L-avukat tal-għaqda Repubblika u eks deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kien jaf minn qabel bit-tfittxija li kienet ippjanata li ssir mill-pulizija fid-dar tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat b’rabta mal-inkjesta Vitals. Dan qalu lbieraħ waqt xhieda fil-Qorti l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.
F’kawża kostituzzjonali li fetaħ Dr Muscat, Angelo Gafà xehed li l-Maġistrat Gabriella Vella ntalbet kemm-il darba biex il-Pulizija tkun tista’ tinvestiga aktar fil-każ Vitals iżda l-istess Maġistrat dejjem qalet lill-Pulizija biex jimxu skont id-direzzjoni tagħha. Il-Pulizija anki talbu biex jiltaqgħu mal-esperti barranin biex ikollhom informazzjoni biex jinvestigaw, iżda din it-talba qatt ma ġew infurmati li ntlaqgħet.
Min-naħa tiegħu s-Supretendent James Grech, xehed li ġurnata qabel ma kellha ssir it-tfittxija fid-dar ta’ Dr Muscat, l-avukat Jason Azzopardi għmel numru kbir ta’ telefonati lill-espert tal-Qorti Keith Cutajar li min-naħa tiegħu meta nduna b’dawn it-telefonati bagħat messaġġ lil Azzopardi u qallu biex jitkellem direttament mal-Magistrata Gabriella Vella li kienet qed tieħu ħsieb l-inkjesta Vitals.
Is-Superintendent Grech spjega wkoll li lejliet it-tfittxija fid-dar tal-eks Prim Ministru, l-avukat Azzopardi tella’ post fuq Facebook li fuq il-bażi tiegħu l-pulizija waslu għall-konklużjoni li kien hemm leak dwar l-istess tfittxija. Riżultat ta’ dan issejhet laqgħa urġenti l-Ħadd waranofsinhar li għaliha attendit l-Maġistrat Vella li fi kliem ix-xhud kienet “maħruqa” u “irrabjata” għal dan il-leak. Waqt din il-laqgħa kien deċiż li titbiddel il-ġurnata tat-tfittxija fid-dar ta’ Dr Muscat. Is-Supretendent Grech qal li ma saritx investigazzjoni mill-Pulizija dwar din il-leak.
Is-Supretendent xehed ukoll li waqt it-tfittxija, hekk kif l-esperti barranin qalu lil Dr Muscat x’dokument kienu qed ifittxu, huwa qabad u għaddielhom id-dokument minn rajh.