Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) għal sena oħra qiegħed jerġa’ jniedi l-iskemi Voluntary Organisations Projects Scheme, magħrufa aħjar mal-għaqdiet bħala l-iskema VOPS, u s-Small Initiative Support Scheme magħrufa bħala SIS. Dawn l-iskemi jassistu finanzjarjament u b’mod tanġibbli għaqdiet volontarji sabiex iwettqu l-ideat tagħhom u jsarrfuhom fi proġetti diretti fil-komunità. Il-baġit allokat għalihom huwa ta’ €800,000 għall-VOPS, u €180,000 għas-SIS.
It-tħabbira tal-ftuħ ta’ dawn l-iskemi saret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia waqt żjara li saret għand il-Malta Sea Cadets, għaqda volontarja li ilha stabbilita f’Malta mis-snin sittin u li trawwem id-dixxiplina u interess f’suġġetti marittimi fost mijiet ta’ żgħażagħ u l-adulti. Mill-1995, il-Malta Sea Cadets ilhom joperaw mill-Gunpowder Magazine fil-Kalkara, bini storiku li jservi bħala s-sede prinċipali tagħhom u li permezz ta’ proġett VOPS wettqet ukoll xogħlijiet elettriċi fis-simulatur tagħha, li jintuża biex joħloq xenarju realistiku ta’ dgħajsa li tkun qiegħda tieħu l-ilma. B’dan il-mod, il-cadets jitħarrġu dwar kif għandhom jaġixxu u joperaw b’mod sigur, organizzat u effettiv f’sitwazzjoni ta’ emerġenza fuq il-baħar.
Waqt iż-żjara, il-Ministru ppreżentat ukoll ċertifikat u badge lil Shizann Agius Gaffarena, tfajla ta’ 12-il sena, wara li għaddiet mill-grad ta’ Junior Cadet għal dak ta’ New Entry Cadet. Il-Ministru sostniet li dan huwa eżempju konkret tal-ħidma siewja li jwettqu l-għaqdiet volontarji fost it-tfal u ż-żgħażagħ, filwaqt li fakkret li, matul is-snin, permezz tal-iskemi SIS u VOPS ġew implimentati madwar elf proġett fil-komunitajiet tagħna.
Il-proġetti eliġibbli għaż-żewġ skemi jistgħu jkunu mill-oqsma kollha mis-settur tal-volontarjat, bħall-ambjent sostenibbli, arti, mużika, sport, edukazzjoni, kultura, drittijiet ċivili u l-qasam taż-żgħażagħ. Fil-każ tal-VOPS, dawn il-proġetti jistgħu jkunu inizjattivi differenti inkluż inizjattivi jew xogħol fil-komunità, proġetti infrastrutturali, riċerka, jew favur it-tisħiħ tal-inklużjoni relatat mas-saħħa u d-diżabilità biex jgħinu jkollna komunità aktar inklussiva. Min-naħa l-oħra, permezz tas-SIS jistgħu jitwettqu proġetti iżgħar sa massimu ta’ €5,000 kull proġett.
L-applikazzjonijiet tas-SIS ser jintlaqgħu mill-Erbgħa 9 ta’ Settembru sa nofsinhar tal-Erbgħa 7 ta’ Ottubru, filwaqt li dawk tal-VOPS ser jintlaqgħu mill-Erbgħa 23 ta’ Settembru sa nofsinhar tal-Erbgħa 21 ta’ Ottubru.
L-applikazzjonijiet, flimkien ma’ gwida għall-applikanti u l-informazzjoni kollha neċessarja, ser ikunu fis-sit elettroniku vofunding.org.mt. Ser isiru wkoll numru ta’ laqgħat ta’ informazzjoni sabiex ikunu ta’ gwida għall-għaqdiet matul il-proċess tal-applikazzjoni.
Waqt din iż-żjara, il-Ministru Julia Farrugia, stqarret li, “Dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ li l-għaqdiet volontarji huma pilastru essenzjali ta’ soċjetà ġusta, inklussiva u solidali. Għalhekk, mhux biss qed inġeddu dawn l-iskemi, iżda qed ninvestu kważi miljun ewro biex nagħtu lill-għaqdiet l-għodod meħtieġa ħalli l-ideat tagħhom isiru proġetti konkreti li jtejbu l-ħajja tan-nies. Se nkomplu nsostnu lis-settur tal-volontarjat b’deċiżjonijiet u investiment li jħallu riżultati tanġibbli fil-komunitajiet tagħna.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS, Mauro Pace Parascandalo, qal li “l-VOPS u s-SIS huma skemi ewlenin tal-Kunsill, u l-ġid li għamlu matul is-snin jinħass mhux biss fl-għoti ta dawn il-fondi lill-għaqdiet, imma b’mod tanġibbli kważi fl-irħula u kommunitajiet kollha f’Malta u Għawdex. Għaldaqstant inkomplu nħeġġu lill-għaqdiet sabiex ikomplu joħolmu u jikkonkorru għal dawn il-fondi”.
L-għaqdiet volontarji li japplikaw iridu jkunu rreġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.
