L-Iran iwissi lill-pajjiżi li jingħaqdu mal-gwerra ekonomika tal-Amerka

Aqra wkoll

L-aġenzija tal-aħbarijiet Torka Anadolu Agency irrapporta li l-Gvern Iranjan ħareġ theddida serja lill-pajjiżi madwar il-Golf Persjan. Ir-reġim ta’ Tehran wissa lill-ġirien tiegħu biex ma jkunux parti fil-gwerra ekonomika tal-Istati Uniti kontra l-gvern Iranjan.

Skont l-Aġenzija Anadolu, il-pajjiżi tal-Golf li jikkollaboraw mal-forzi tal-Istati Uniti jistgħu jsiru l-miri militari li jmiss tal-Iran, fatt li jwassal biex l-esportazzjonijiet tagħhom taż-żejt jiġu mblukkati.

L-Iran qed iwissi lill-pajjiżi ġirien kollha biex ma jipparteċipawx fil-gwerra ekonomika mal-Istati Uniti inkella, jiġu meqjusa bħala għedewwa spjega Mohsen Rezaee, is-Segretarju tal-Kunsill Suprem tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Iran. 

Filwaqt li ċaħad li l-Iran qed ifittex li jwessgħa l-gwerra, Rezaee ġie kkwotat mix-xandar statali Iranjan IRIB jgħid li jekk il-pajjiżi tal-madwar tal-Iran jingħaqdu mal-Amerikani fil-gwerra ekonomika, l-Iran kien se jimmira fuq l-interessi tagħhom. 

Rezaee wissa li lanqas qatra waħda ta’ żejt ma kienet se toħroġ mill-Golf Persjan jew tgħaddi mill-Istrett ta’ Hormuz lejn pajjiżi li qed jgħinu lill-Istati Uniti.

Dan it-theddid minn Tehran sar b’reazzjoni għat-tħejjija tal-Gvern Amerikan għal sensiela ġdida ta’ sanzjonijiet kontra l-Iran wara li l-president tal-Istati Uniti Donald Trump iddeskriva l-kampanja tiegħu ta’ pressjoni massima kontra l-Iran, bħala l-aktar operazzjoni ekonomika devastanti li qatt saret kontra xi pajjiż.

Trump iddeskriva wkoll l-istrateġija l-ġdida ta’ Washington lejn Tehran bħala “gwerra ekonomika u iżolament fuq skala bla preċedent.”

Lura f’Ġnju tal-2026, Washington u Tehran iffirmaw memorandum ta’ ftehim permezz ta’ medjaturi mill-Pakistan u l-Qatar, u b’hekk temmew l-ostilitajiet li kienu bdew fi Frar tal-2026.

Minn dak iż-żmien lil hawn, it-taħditiet bejn iż-żewġ pajjiżi waqfu minħabba kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-memorandum ta’ ftehim u l-użu tal-Istrett ta’ Hormuz.

Uffiċjali tal-gvern Amerikan ikkonfermaw li l-White House qed tħejji l-aktar sanzjonijiet ħorox kontra Tehran.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport