Emanuel Borg, anzjan ta’ 68 sena beda għaddej ġuri fejn qiegħed ikun mixli li fl-2019 pprova joqtol lil martu fid-dar tagħhom fil-Mellieħa. Hu pprova jwettaq dan id-delitt waqt li martu kienet rieqda.
Hu jinsab mixli li fil-11 ta’ Novembru pprova joqtol lil martu, Maria Dolores Borg, b’daqqiet ta’ martell.
Kawża ta’ dan l-attent ta’ qtil, il-vittma kienet ġiet iċċertifikata fil-periklu tal-mewt, iżda kienet irnexxilha ssalva. Hija kienet mietet xi snin wara b’kważa naturali.
Skont l-atti tal-akkużi, l-imputat u l-vittma kellhom argument wara li l-imputat talab lil martu tisilfu €300. Allegatament qam ukoll argument ieħor dwar persuna li kienet se tibda tgħix fir-residenza tagħhom.
Skont il-Prosekuzzjoni, l-akkużat allegatament daħal fil-kamra tas-sodda fejn kienet rieqda martu, u beda jagħtiha diversi daqqiet ta’ martell fuq rasha u fuq wiċċha.
Wara l-allegat attakk, huwa ċempel lid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei u qal li kien għadu kemm sawwat lil martu u li kienet mitlufa minn sensiha.
Fuq il-post kienu marru diversi uffiċjali tal-pulizija fejn allegatament l-imputat kien qallhom li hu kien li sawwat lil martu u pprova joqtolha.
Il-mara kienet sofrit ksur fil-kranju u fil-wiċċ, u għal xi żmien kienet fil-periklu tal-mewt. Peress li l-mara mietet, fil-ġuri se tinqara x-xhieda li kienet tat matul il-kumpilazzjoni tal-provi.
Il-ġuri qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kevin Valletta u Justine Brincat f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Borg qed jiġi difiż mill-Avukati Arthur Azzopardi u Lennox Vella.

