Sunday, December 22, 2024

Jibki fil-Qorti u jgħid li ma jridx iqatta’ ħin il-ħabs għalxejn 

… mixli li ħebb għall-eks sieħba u kisrilha mniħiriha

Aqra wkoll

“Ma rridx immur il-ħabs. Ma għamilt xejn. Għajjejt nqatta’ ħin il-ħabs għalxejn”. Hekk iddikjara Tyson Bugeja ta’ 28 sena residenti l-Birgu meta lbieraħ tressaq quddiem il-Maġistrat Victor Axiak mixli bi vjolenza domestika fuq l-eks sieħba tiegħu wara li allegatament taha daqqiet ta’ ponn f’wiċċha u spiċċa biex kisrilha mniħirha.

L-allegat każ seħħ nhar is-Sibt li għadda, bl-imputat jiġi mixli li ħebb, insulta u hedded lill-eks sieħba tiegħu filwaqt li kkaġunalha biża’ li se tintuża vjolenza kontriha jew kontra l-proprjetà tagħha. Huwa kien mixli wkoll li kiser tliet settijiet ta’ kundizzjonijiet b’rabta mal-ħelsien mill-arrest tiegħu u li kien reċediv. 

Il-Prosekuzzjoni spjegat fil-Qorti kif skont il-verżjoni tal-vittma, Bugeja kien mar iħabbat fuq il-bieb tar-residenza tagħha u meta din fetħet staqsieha jekk kinitx f’relazzjoni ma’ xi ħadd ieħor, fejn hija wiġbitu li le. 

Huwa allegatament qalilha li jekk kienet qiegħda tigdiblu huwa xorta waħda se jkun jaf u kien f’dan il-mument meta taha daqqtejn bil-ponn f’wiċċha, kisrilha imneħirha u wara ċempel għal ambulanza.

L-Ispettur Colin Sheldon qal li Bugeja kien ġie arrestat aktar tard fir-residenza tiegħu wara li nħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu u ttieħed l-għassa għall-interrogazzjoni. Qal ukoll li l-imputat kellu jittieħed l-isptar wara li beda jilmenta li kellu wġigħ f’sidru.

L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li l-fedina penali tiegħu kienet tixhed x’karattru kellu l-imputat u l-fatt li l-allegata vittma kienet għadha ma xehditx. 

Wara li semgħet iż-żewġ naħat, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Victor Axiak ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-imputat jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Avukat Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat George Anton Buttigieg deher għal Bugeja.

Ekonomija

Sport