Marvic Mercieca, ta’ 42 sena residenti l-Qala Għawdex baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti fejn ġie mixli li fil-pussess tiegħu kellu d-droga kokaina.
L-Ispettur Keith Xerri li mexxa l-prosekuzzjoni spjega quddiem il-Maġistrat Monica Vella li Mercieca hu magħruf sew mal-Pulizija dwar traffikar u pussess tad-droga. Spjega li l-pulizija kellha informazzjoni li l-imputat kien qiegħed isuq mutur bil-liċenzja skaduta u allura l-pulizija tat-traffiku ngħataw struzzjonijiet li hekk kif jarawh għaddej iwaqqfuh.
Kien fis-26 ta’ Ġunju meta żewġ uffiċjali tal-Pulizija raw lil Mercieca għaddej bl-imsemmi mutur u talbuh jieqaf. Is-Surġent induna li Mercieca daħħal idejh fil-but biex jarmi xi ħaġa u kien hawn li tqajjem aktar suspetti.
Fi tfittxija li saret fuq l-imputat instab qartas bil-kokaina filwaqt li imbagħad saret tfittxija fil-mutur fejn instabu 13-il qartas ieħor.
Hu kien arrestat u mitkellem mill-Pulizija biex imbagħad tressaq il-Qorti b’arrest nhar is-Sibt li għadda.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest bil-prosekuzzjoni toġġezzjonali minħabba diversi raġunijiet. Il-Maġistrat Vella wara li semgħet iż-żewġ naħat ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-imputat jibqa’ jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Keith Xerri u Mario Xiberras.

