Thursday, April 17, 2025

Jidħlu fis-seħħ l-ewwel miżuri mill-inizjattiva ‘Reshaping our Mobility’

Jiżdiedu 400 vjaġġ kuljum b’Tal-Linja

Aqra wkoll

Tibda l-implimentazzjoni tal-miżuri mħabbra fl-inizjattiva Reshaping our Mobility, b’titjib fis-servizz tat-trasport pubbliku. Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett hekk kif spjega kif mill-20 ta’ April, ser jiżdiedu 400 vjaġġ kuljum, b’rotot ġodda u tibdil sinifikanti fin-network ta’ Tal-Linja. Dan bħala parti minn pjan imfassal bir-reqqa biex titjieb l-effiċjenza, titkabbar il-firxa tal-operat u jintlaħqu aħjar l-aspirazzjonijiet u l-ħtiġijiet tal-komunitajiet u tal-vjaġġaturi.

“Dawn it-tibdiliet huma frott ta’ proċess estensiv ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku, il-kunsilli lokali, rappreżentanti ta’ operaturi ekonomiċi fiż-żoni industrijali kif ukoll l-imsieħba soċjali,” qal il-Ministru Bonett. Huwa saħaq li dawn it-tibdiliet huma mibnija fuq tliet prinċipji ewlenin fejn ir-rotot jinżammu kemm jista’ jkun diretti biex titjieb l-effiċjenza, jingħata servizz lill-ħaddiema taż-żoni industrijali kif ukoll titjieb il-konnettività lejn istituzzjonijiet edukattivi.

Huwa spjega kif dawn ir-riformi qegħdin jitħabbru fi żmien fejn l-użu tat-trasport pubbliku qed ikompli jikber b’sinjal ċar li meta jiġi offrut servizz aħjar, in-nies tirrispondi. “It-trasport pubbliku f’Malta jista’ u għandu jkun pilastru ta’ mobbilità moderna li joffri alternattiva affidabbli, sigura u sostenibbli għal kulħadd. Din il-miżura importanti timmarka l-bidu tal-pjan tagħna li noffru s-soluzzjonijiet għal-ħtiġijiet ta’ mobbilità tal-poplu Malti u Għawdxi, ” temm jgħid il-Ministru Bonett.

Il-General Manager tal-Malta Public Transport, Konrad Pule qal li “Dan it-titjib irrikjeda investiment ta’ €6 miljun biex inġibu 25 karozza tal-linja ġodda li bdew jiddaħħlu fis-servizz fl-aħħar ġimghat. Minħabba n-natura tas-servizzi diretti li daħħalna, iddeċidejna bi qbil mal-awtoritajiet, li nużaw karozzi ftit differenti mill-karozzi tal-linja oħra li mdorrijin naraw fuq ir-rotot f’Malta u Għawdex. Ħassejna li dawn il-karozzi tal-linja jkunu aktar addattati peress li għandhom iktar postijiet fejn tista’ tpoġġi bilqiegħda, flok bilwieqfa, aktar post għall-basktijiet u anke luggage compartments, minbarra Wi-Fi b’xejn u USB chargers għal kull siġġu.”

Id-Direttur fi ħdan id-Direttorat għat-Trasport fuq l-Art ta’ Transport Malta, Ivan Pierre Vella rrimarka kif l-introduzzjoni ta’ rotot ġodda u żieda fi frekwenzi ta’ traġitti bit-trasport pubbliku juru impenn sħiħ biex iżjed nies jitħajru jutilizzaw dan il-mezz ta’ trasport. “Il-fatt li introduċejna rotot ġodda u speċifiċi għal numru ta’ żoni juri kemm ninsabu ffukati li nipprovdu alternattivi differenti li jikkumplimentaw rutina diversa li jġorru magħhom numru kbir ta’ nies. Kif turina l-istatistika, ta’ kull sena iżjed nies qegħdin jużaw it-trasport pubbliku. B’hekk l-impenn tal-Awtorità għat-Trasport ser jiżdied biex iżjed nies jużaw dan is-servizz bla ħlas,” saħaq Ivan Pierre Vella.

It-tibdiliet ewlenin jinkludu:

•                 Rotot ġodda f’diversi żoni importanti inkluż dawk industrijali.

•                 Modifiki fir-rotot eżistenti biex jintlaħqu żoni residenzjali li ma kinux koperti bis-servizz.

•                 Żieda fil-frekwenza ta’ diversi rotot popolari.

•                 Vjaġġi li jibdew aktar kmieni biex iservu aħjar lill-ħaddiema u lill-istudenti.

•                 Aġġustamenti fit-trasferiment ta’ ħinijiet sabiex jikkorrispondu aħjar mal-ħajja ta’ kuljum tal-komunitajiet

F’Marzu 2025, in-numru ta’ passiġġieri li użaw it-trasport pubbliku żdied bi kważi 11% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Minn Jannar s’issa, in-numru ta’ vjaġġi tat-trasport pubbliku żdied b’7.7% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra, sena rekord b’aktar minn 75 miljun vjaġġ.

Il-Gvern huwa impenjat li flimkien mal-Malta Public Transport, ikompli jtejjeb dan is-servizz bl-għan li jkun aktar frekwenti, aċċessibbli u affidabbli.

Id-dokument mehmuż mal-istqarrija jinkludi aktar dettalji dwar it-tibdil u rotot ġodda li se jidħlu fis-seħħ mill-20 ta’ April 2025 ’l quddiem.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport