Monday, December 23, 2024

Jiġi estradit mill-Bulgarija biex tressaq il-Qorti f’Għawdex akkużat li ħaraq karozza fix-Xlendi

Aqra wkoll

Yahia Hamid Mohamad ta’ 21 sena, imwieled is-Sirja, iżda għandu passaport temporanju tal-Bulgarija, nhar il-Ġimgħa tressaq il-Qorti t’Għawdex fejn ġie akkużat fost l-oħrajn li ta n-nar karozza li kienet ipparkjata x-Xlendi.

Is-Sirjan ġie akkużat li ta n-nar lil vettura waqt li fiha ma kien hemm l-ebda persuna, iżda din il-vettura kienet qiegħda b’mod li tista’ tqabbad il-ħruq lil bini ieħor. Hu ġie akkużat li kiser il-paċi pubblika fost akkużi oħrajn.

Permezz tal-interpretur, Mohamad wieġeb mhux ħati tal-akkużi.

L-Ispettur Prosekutur Mario Xiberras qal quddiem il-Maġistrat Simone Grech li fl-1 ta’ Mejju ta’ din is-sena l-pulizija kienu ġew informati li kien hemm karozza taqbad fi Triq ir-Ranċiż ix-Xlendi Għawdex. 

L-Ispettur Xiberras qal li kif bdew l-investigazzjonijiet Mohamad kien is-suspettat ewlieni f’dan il-każ u mill-ewwel bdiet tfittixja għalih. Irriżulta, kompla jgħid l-Ispettur Xiberras, li Yahia Hamid Mohamad kien ħarab minn Malta xi ġranet wara l-każ u kien hemm possibilità li dan kien jinsab il-Bulgarija minħabba li kellu passaport temporanju tal-pajjiż.

Kien għalhekk li l-Pulizija Maltija talbet għall-Mandat ta’ arrest Ewropew u mill-ewwel bdiet tfixxija għalih. Il-Prosekuzzjoni kompliet tgħid fil-Qorti li kien fl-14 ta’ Novembru li għadda li l-Pulizija ġew informati li Mohamad kien ġie arrestat fil-Bulgarija.

Il-Pulizija Bulgara għaddewh proċeduri ta’ estradizzjoni fil-Qorti tal-pajjiż liema estradizzjoni ġiet approvata. Uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija telgħu fil-kapitali Sofia fejn filwaqt li ħadu l-arrest f’idejhom skortawh lejn pajjiżna biex nhar il-Ġimgħa seta’ jitressaq il-Qorti b’urġenza.

Id-Difiża li kienet immexxija mill-Avukat Mario Mifsud ma talbietx għall-ħelsien mill-arrest, u għalhekk il-Qorti ordnat li jibqa’ jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qiegħda titmexxa mill-Ispetturi Mario Xiberras, Keith Xerri mid-Distrett t’Għawdex u Keith Rizzo kif ukoll mill-Avukat Joseph Camilleri Azarov f’isem l-Avukat Ġenerali.

Ekonomija

Sport