Sunday, June 7, 2026

Jingħata l-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ ħasil ta’ flus

Aqra wkoll

Raġel ta’ 55 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest nhar il-Ġimgħa wara li tressaq il-Qorti flimkien ma’ akkużat ieħor b’rabta ma’ allegata operazzjoni ta’ ħasil ta’ flus. 

Fil-Qorti, ġie spjegat li l-każ jirriżulta minn investigazzjonijiet tal-pulizija dwar għadd ta’ serqiet li jmorru lura għall-2023. Skont il-Prosekuzzjoni, l-investigaturi damu żmien konsiderevoli jsibu min setgħu kienu s-suspettati, qabel żviluppi s-sena li għaddiet allegatament wassluhom għal Syed Zaheer Abbas, raġel ta’ 49 sena, mill-Pakistan.

Il-pulizija qalu lill-Qorti li l-akkużat kien telaq minn Malta lejn il-Pakistan u li kien intalab Mandat ta’ Arrest Ewropew. Minkejja twissija fl-ajruport, huwa aktar tard reġa’ daħal Malta. 

Wara rapport ieħor ta’ serqa f’Jannar, l-investigaturi allegatament rabtuh mar-reat u sostnew li fi Frar ipprova jerġa’ jitlaq minn Malta. Sussegwentement huwa ġie arrestat fl-ajruport, fejn il-pulizija allegatament sabu ġojjellerija, dokumenti u rekords ta’ tranżazzjonijiet li jammontaw għal madwar €100,000 mibgħuta lejn il-Pakistan.

Iż-żewġt irġiel ġew akkużati b’reati ta’ ħasil ta’ flus, fosthom li allegatament ittrasferew, ħbew, kellhom fil-pussess tagħhom u żammew proprjetà suspettata li ġejja minn attività kriminali. L-akkużi jinkludu wkoll allegazzjonijiet ta’ tentattiv jew għajnuna f’attivitajiet bħal dawn.

Ir-raġel ta’ 55 sena, qed jiffaċċja wkoll akkużi separati li allegatament għamel dikjarazzjonijiet foloz, uża rekords foloz, mexxa negozju bankarju mingħajr liċenzja u opera bħala istituzzjoni finanzjarja mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa.

It-tieni akkużat qed jiffaċċja wkoll akkuża ta’ serq aggravat b’rabta mal-allegata serqa ta’ flus kontanti, ġojjellerija u oġġetti oħra minn residenza f’Ħ’Attard bejn Jannar u Frar ta’ din is-sena. 

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lill-akkużat ta’ 55 sena.  L-avukati Jose Herrera u Martina Herrera dehru għal Syed Zaheer Nabbas, filwaqt li l-avukati Alfred Abela u Renee Darmanin dehru għal Simon Grixti. 

L-avukat Stephen Tonna Lowell deher għall-parte civile. L-Ispetturi Joseph Mercieca u Matthew Grech mexxew il-prosekuzzjoni flimkien mal-avukati tal-Avukat Ġenerali Alessia Schembri u Neville Galea. Il-Maġistrat Nadia Helena Vella ppresediet is-seduta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport