Raġel ta’ 49 sena mill-Mosta ġie mmultat €4,900, kif ukoll ġie ordnat sabiex jagħmel 200 siegħa xogħol fil-komunità wara li nstab ħati li f’Settembru tal-2020, żamm tagħmir kostruzzjoni li kien misruq, fl-għalqa tiegħu.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Kevin Pulis, Shawn Pawney u Leroy Balzan Engerer spjegat li dan it-tagħmir kien f’sit ta’ kostruzzjoni u li darba minnhom sidu mar fl-istess sit u t-tagħmir ma sabux hemm.
Ingħad li dan għamel rapport lill-Pulizija u minn hemm il-Pulizija bdiet tinvestiga l-każ. Minn filmati tal-kameras li kien hemm fil-viċinanzi, irriżulta li l-istess vettura insterqet minn żewġ persuni.
Fil-Qorti, ġie spjegat li l-vettura kellha sistema tal-GPS li tgħid fejn jinsab u dan kien qed jimmarka li jinsab f’għalqa fiż-żona magħrufa bħala ‘L-Irziezet’ ġewwa l-Imtaħleb. Meta l-pulizija marret fuq il-post, sabet t-tagħmir tal-kostruzzjoni li kien misruq u vetturi oħra li wkoll kienu suspettużi.
Fix-xhieda tiegħu, l-imputat qal li l-impjieg tiegħu qabel kiem li jimporta karozzi minn barra u jaħdem fuqhom. Spjega li għamel xi żmien kien jaħdem ma’ mekkanik f’Ħal Qormi u li dan darba minnhom ċempillu filgħodu kmeini biex imur għalih, minħabba li t-trakk li kien qed isuq ma kienx qed jaħdem.
Ingħad ukoll li t-trakk nstab f’parkeġġ f’San Ġiljan u li allegatament fuqu kien hemm il-vettura misruqa. Min-naħa tiegħu, l-imputat spjega li ma kienx jaf li l-vettura kienet misruqa. Qal ukoll li minn dakinhar sal-lum, lill-mekkanik li kien jaħdem miegħu ma’ reġax kellmu.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana kkonkludiet li l-imputat ma’ nstabx ħati ta’ serq, filwaqt li nstab ħati li kien reċidiv u li kellu fl-għalqa tiegħu, oġġetti li ma kienux tiegħu.