Wednesday, October 9, 2024

Il-Qorti tordna lill-Orkestra Nazzjonali tagħti €168,431 lill-eks surmast Brian Schembri

Aqra wkoll

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti ordnat lill-kumpanija li tmexxi l-Orkestra Nazzjonali biex tagħti €168,431 lill-eks surmast Brian Schembri. Dan fi ħlasijiet ta’ paga wara li l-kuntratt tal-impjieg tiegħu kien itterminat.

Schembri kien fetaħ kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra n-National Orchestra Limited wara li fl-2017 il-kuntratt tiegħu kien ġie tterminat dwar nuqqas ta’ qbil dwar emendi fih.

Hu kien impjegat bħala s-Surmast Ewlieni tal-Orkesta Nazzjonali fl-2013 għal perjodu ta’ 3 snin u dan il-kuntratt kien ġie mġedded fl-2016. Il-kuntratt kien jgħid li jekk jiġi terminat l-Orkestra Nazzjonali kellha tħallsu paga ta’ 3 snin.

Il-każ kellu l-bidu tiegħu fl-2017 meta l-Orkestra Nazzjonali akkużat lis-Surmast Schembri li naqas li jwettaq uħud mill-obbligi tiegħu.

Hu kien akkużat li abbanduna l-impjieg tiegħu qabel kunċert li kellu jsir fl-2017 u għalhekk kellha kull dritt li titterminalu l-impjieg.

L-Imħallef Giovanni Grixti fis-sentenza tiegħu qal li l-kumpanija ma rnexxilhiex tipprova dak kollu li allegat dwar is-surmast. L-Imħallef qal li Schembri huwa perfezzjonist u jesiġi riżultati ta’ kwalità mill-mużiċisti.

Il-Qorti qalet li l-kawża infetħet mhux biex jiġi stabbilit jekk il-kumpanija kellhiex raġun titterminalu l-impjieg imma hux intitolat għall-penali kawża tal-istess terminazzjoni tal-kuntratt.

Skont dak li ġie ppreżentat fil-Qorti, il-kumpanija riedet li tbiddel il-kuntratt ta’ Schembri minn wieħed ta’ full time għal wieħed ta’ self-employed u anke ridet tneħħielu l-irwol ta’ direttur artistiku.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li hija tal-fehma li wara li l-kuntratt oriġinali kien imġedded awtomatikament għal tliet snin oħra, il-kumpanija għamlet minn kollox biex tpoġġi lis-Surmast f’sitwazzjoni li ma jkunx jista’ jonora l-obbligi tiegħu.

Il-Qorti nnutat ukoll li dawn l-azzjonijiet raw il-qofol tagħhom fil-Kunċert tal-Indipendenza fej is-Surmast ra kif jagħmel biex ivarja l-programm biex dan isir akkost id-diffikultajiet li nħolqu mill-kumpanija.

Għal dawn ir-raġunijiet l-Imħallef Grixti qal li s-Surmast Schembri kellu raġun fl-ilmenti tiegħu u ordna lill-kumpanija li tmexxi l-Orkestra Nazzjonali tagħtih €168,431.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport