Wednesday, October 2, 2024

Se jiżdiedu l-pieni ta’ ħabs u l-multi għal min iwettaq vjolenza fuq pulizija u uffiċjali pubbliċi

... Se titneħħa l-possibilta ta' sentenza sospiża

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Gvern se jressaq emendi legali fil-Parlament li filwaqt li tkun il-Qorti li tiddeċiedi l-kastig xi jkun, fil-parametri tal-liġi, sentenza sospiża u libertà kundizzjonata mhux se jkunu għażla. Dan filwaqt li se jiżdiedu l-pieni ta’ ħabs u l-multi għal min iwettaq vjolenza fuq pulizija u uffiċjali pubbliċi.

L-emendi li se jkunu qegħdin jitressqu fil-Parlament nhar it-Tnejn huma kif ġej:

  • Meta l-offiża hi ta’ inġurju, theddid jew offiża fuq il-persuna, il-multa minima se tiżdied minn €800 għal €1,200. Il-multa massima se tiżdied minn €5,000 għal €7,500.
  • Meta l-attakk jew ir-reżistenza bi vjolenza jsir minn persuna jew minn żewġ persuni, il-piena ta’ priġunerija se tiżdied minn minimu ta’ sitt xhur għal minimu ta’ sena u minn massimu ta’ sentejn għal massimu ta’ erba’ snin filwaqt li l-multa minima se tiżdied minn €4,000 għal €6,000 u dik massima se tiżdied minn €10,000 għal €15,000.
  • Meta l-attakk jew ir-reżistenza bi vjolenza ssir minn tliet persuni jew aktar, il-piena ta’ priġunerija se tiżdied minn minimu ta’ disa’ xhur għal minimu ta’ sena u nofs u minn massimu ta’ tliet snin għal massimu ta’ sitt snin filwaqt li l-multa minima se tiżdied minn €5,000 għal €7,500 u dik massima se tiżdied minn €15,000 għal €22,500.
  • Meta fl-attakk jew ir-reżistenza tintuża arma, il-piena ta’ priġunerija se tiżdied minn minimu ta’ sena għal minimu ta’ sena u nofs u minn massimu ta’ erba’ snin għal massimu ta’ sitt snin filwaqt li l-multa minima se tiżdied minn €8,000 għal €12,000 u dik massima se tiżdied minn €20,000 għal €30,000.
  • Meta dawn l-offiżi, jinkludu vjolenza pubblika, il-piena ta’ priġunerija se tiżdied minn minimu ta’ sentejn għal minimu ta’ tliet snin u minn massimu ta’ ħames snin għal massimu ta’ seba’ snin filwaqt li se jkunu introdotti wkoll il-multi, b’dik minima se tkun ta’ €10,000 u dik massima ta’ €25,000.

Dawn l-emendi, li tħabbru mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri f’konferenza stampa dalgħodu, huma frott konsultazzjoni wiesgħa, inkluż mal-Pulizija nfushom u l-unions li jirrappreżentawhom.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Camilleri spjega li dawn l-emendi legali huma sinjal ċar favur il-ħidma tal-forzi tal-ordni, favur id-dixxiplina. “L-emendi jingħaqdu mal-investiment li għamilna u qegħdin nagħmlu fil-forzi dixxiplinati. L-impenn tagħna hu favur il-ħaddiem, b’appoġġ lill-forzi tal-ordni, favur id-dixxiplina u r-rispett lejn l-uniformi.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport