Sunday, December 22, 2024

Jintemm b’suċċess kors mill-Fondazzjoni RISe finanzjat b’investiment mill-Gvern

Aqra wkoll

Disgħa u erbgħin persuna temmew b’suċċess il-kors “Working with Offenders” li huwa kors introduttorju minn professjonisti fil-qasam u jkopri seba’ suġġetti, inkluż kriminoloġija, psikoloġija, rijabilitazzjoni u integrazzjoni mill-ġdid. Il-kors għen sabiex ikun hemm aktar għarfien dwar l-isfidi li jiffaċċjaw persuni li xellfu difrejhom mal-liġi u għamlu żmien il-ħabs, flimkien mal-proċess ta’ integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-soċjetà

Organizzat mill-Fondazzjoni RISe, dan il-kors ġie ffinanzjat taħt l-iskema ta’ taħriġ bl-isem Training Initiative Scheme (TIS) amministrata mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat. Il-kors sar l-ewwel darba fis-sena 2022. F’dawn l-aħħar sentejn, il-Gvern investa fil-Fondazzjoni RISe aktar minn €17,000 permezz tat-TIS u permezz tal-Iskema tal-Proġett tal-Organizzazzjonijiet Volontarji (VOPS). Parti minn dawn il-flus intużaw biex setgħu jsiru korsijiet maħsubin biex individwi li jaħdmu ma’ persuni li jkunu skontaw sentenza ta’ priġunerija, jew li jkunu interessati f’dan il-qasam, itejbu l-għarfien dwar ir-rwol tagħhom u l-appoġġ terapewtiku f’ambjent ta’ persuni li jkunu għaddejjin minn stadji ta’ rijabilitazzjoni.

Dan huwa kruċjali sabiex dawn il-persuni jingħatalhom ukoll appoġġ ħalli jitkisser iċ-ċiklu ta’ reċidività. Il-kors kellu wkoll l-appoġġ mill-Fakultà tal-Benesseri Soċjali tal-Università ta’ Malta. L-attività li matulha tqassmu ċ-ċertifikati lill-parteċipanti tal-kors kienet indirizzata mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli li fissret kif is-soċjetà għandha tagħmel dak kollu possibbli biex lill-istess individwu terġa’ tintegrah lura fi ħdanha.

“Din hija l-mira, dan huwa l-għan wara l-għajnuna li tingħata lil organizzazzjonijiet bħalma hija l-Fondazzjoni RISe għal twettiq ta’ missjoni b’għan nobbli bħal dan”, saħqet il-Ministru Farrugia Portelli.

Il-Ministru Farrugia Portelli awgurat lill-parteċipanti tal-kors għas-suċċess li kisbu u esprimiet l-ottimiżmu tagħha li l-esperjenza miksuba se tkun ta’ benefiċċju għal persuni li għaddew minn esperjenza diffiċli.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo saħaq, “Għalhekk nesprimu s-sodisfazzjon li l-kors mhux biss inbena u ttella’, imma ġġenera interess biżżejjed biex sar għal darb’oħra. B’hekk ikompli jżid il-ħiliet f’dan il-qasam u fl-aħħar mill-aħħar ikompli jagħmel aktar ġid fis-soċjetà.”

Ekonomija

Sport