Ryan Cutajar ta’ 37 sena residenti l-Fgura nżamm arrestat wara li tressaq fil-Qorti fejn ġie mixli b’importazzjoni, traffikar u pussess tad-droga.
Fil-Qorti nstema’ kif il-pulizija kienet irċeviet informazzjoni li Cutajar seta’ kien involut f’attività relatata ma’ traffikar ta’ droga bejn Malta u Sqallija.
Huwa kien twaqqaf mal-wasla tiegħu bil-katamaran nhar it-28 ta’ Ġunju. Minn tifttxija li saret, instabu madwar 7.5 kg kokaina u 100 gramma ta’ sustanza suspettata raża tal-kannabis moħbijin f’axle tar-roti ta’ wara tal-vann li kien qiegħed isuq.
Mill-investigazzjonijiet li saru jirriżulta li d-droga misjuba kienet tlaħħaq ‘il fuq minn €400,000 fis-suq.
Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, l-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u saret talba għall-ħelsien mill-arrest bil-Prosekuzzjoni toġġezzjon minħabba l-gravità tar-reat u l-fatt li l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.
Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Qorti ċaħdet it-talba u ordnat li l-imputat jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-Qorti ordnat ukoll l-iffriżar tal-assi tal-imputat.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Alfredo Mangion mentri l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għal Cutajar.