Friday, January 10, 2025

Jinżamm arrestat wara li kien mixli li weġġa’ lis-sieħba u lil binha

Aqra wkoll

Raġel ta’ 31 sena residenti Bormla baqa’ jinżamm arrestat wara li allegatament weġġa’ ħafif lis-sieħba u lil binha. Dan il-każ waqt argument li allegatament ir-raġel kellu mas-sieħba f’residenza f’Bormla.

Quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo, il-Prosekuzzjoni qalet li jumejn ilu l-vittma marret tagħmel rapport l-Għassa fejn allegat li s-sieħeb tagħha kellu argument magħha fir-residenza tagħha stess.

B’kollox il-mara għamlet 5 rapport f’sena waħda biss kontra l-akkużat. Jumejn ilu wara li l-mara għamlet ir-rapport issejħu s-social workers li ħejjew risk assessment li minn dan ħareġ li l-vittma kienet f’periklu għoli u għalhekk il-pulizija marru jarrestaw lir-raġel.

L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih, kif ukoll mhux ħati li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti f’’każ separat. Hu ġie akkużat li sar riċediv hekk kif għandu żewġ settijiet ta’ probation.

Id-difiża mmexxija mill-avukati Adriana Zammit u Franco Debono talbu għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal dan minħabba li l-akkużat għandu kondotta mtappna u anke li kien instab ħati li weġġa’ lill-istess sieħba ftit taż-żmien ilu.

Id-difiża qalet quddiem il-Maġistrat Bartolo li kienu nħarġu akkużi fil-konfront tal-allegat vittma hekk kif din weġġgħet ħafif lill-akkużat. Għalhekk skont id-difiża se jkun hemm żewġ verżjonijiet differenti tal-każ.

Wara li sema ż-żewġ naħat, il-Maġistrat ordnat li r-raġel jibqa’ jinżamm arrestat u anke ħareġ ordni ta’ protezzjoni għall-vittma.

L-Ispettur Omar Zammit qed imexxi l-prosekuzzjoni, għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Adriana Zammit u Franco Debono waqt li l-Avukat Lara Dimitrijevic qed tidher għall-vittma.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport