Sirjan ta’ 21 sena baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti ta’ Għawdex fejn ġie mixli li pprova jabbuża sesswalment minn tfajla ta’ 19-il sena fil-Qala Għawdex.
Rashid Alhalil Fisal wieġeb mhux ħati għall-akkużi kontrih. Isem tal-allegat vittma mhux qiegħed jixxandar fuq ordni tal-Qorti.
l-Ispettur Keith Xerri li mexxa l-investigazzjoni spjega quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech li fl-20 ta’ Lulju li għadda tfajla mill-Qala marret tagħmel rapport li fit-2 ta’ Lulju kien hemm Sirjan li kien ipprova jabbuża minnha sesswalment.
Irriżulta li t-tfajla xtaqet tagħmel ir-rapport qabel, iżda beżgħet. Fil-Qorti ġie spjegat li r-rapport sar wara li l-allegat vittma semgħet li mix-Xlendi kienu ġew arrestati 3 Sirjani li nstabu jgħixu f’pajjiżna illegalment u għalhekk għamlet il-kuraġġ biex tagħmel ir-rapport wara li ħasbet li wieħed minnhom hu l-allegat aggressur.
It-tfajla li tgħix ma’ ommha f’residenza fil-Qala fir-rapport tagħha mal-pulizija qalet li ommha kienet qabdet xi ħaddiema biex jagħmlu xi xogħol fid-dar tagħhom. Biex jagħmel dan ix-xogħol kien mar Fisal.
Fir-rapport intqal li waqt li kienet weħidha miegħu fir-residenza allegatament qabadha, telahha fil-kamra tas-sodda u pprova jabbuża minnha sesswalment. It-tfajla rreżistit lil Fisal u rnexxielha taħrab minn taħt idejh.
Kien hawn li hi ċemplet lill-ommha u qaltilha x’kien ġralha li min-naħa tagħha ċemplet lill-imgħallem tal-allegat aggressur. Irriżulta li l-imgħallem ta’ Fisal ċempillu u l-akkużat ħarab minn fuq il-post.
Fil-Qorti ntqal li aktar tard matul ix-xahar ta’ Lulju, il-Pulizija wettqet rejd fuq persuni b’suspett li qegħdin jgħixu b’mod illegali f’pajjiżna fejn ġew arrestati 3 Sirjani.
Hekk kif sar ir-rapport mit-tfajla, wieħed minn dawk l-arrestati ġie ddentifikata bħala l-allegat aggressur u għalhekk intalab mandatt ta’ arrest fil-konfront tiegħu.
Id-difiża qalet li f’dan l-istadju ma kinitx se titlob għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-vittma għad trid tixhed u għalhekk il-Maġistrat Grech ordna li l-imputat jibqa’ jinżamm fil-faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Jurgen Dalli f’isem l-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Keith Xerri. Dr Chris Said mexxa d-difiża.
