Wednesday, July 24, 2024

Jinżamm arrestat wara li żamm lis-sieħba msakkra f’daru wara li stupraha fil-karozza

Aqra wkoll

Raġel ta’ 25 sena mill-Furjana nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli li allegatament stupra lis-sieħba tiegħu fejn it-Torri l-Aħmar u li wara sakkarha f’daru.

Fil-Qorti ġie spjegat li dan kollu seħħ mingħajr ir-rieda tagħha. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Avukati Jurgen Dalli u Cynthia Tomasuolo f’isem l-avukat ġenerali flimkien mal-Ispettur Omar Zammit u Wayne Buhagiar spjegat kif l-imputat kien qal lis-sieħba tiegħu biex tirkeb miegħu fil-karozza għax kien se joħodha ximkien biex issib impjieg.

Mal-Pulizija, il-vittma spjegat li malli waslu bil-karozza fejn it-Torri l-Aħmar stupraha u li ppruvat taħrab minn fuq il-post iżda l-akkużat qabadha u ħadha fl-appartament tiegħu fil-Furjana.

Fil-Qorti, l-Ispettur spjega li. l-akkużat ġie arrestat wara li mar ifittex lis-sieħba fid-Depot tal-Furjana. Meta mistoqsi x’se jwieġeb, hu qal li mhuwiex ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, bid-Difiża tagħmel talba sabiex ikun hemm divjett fuq isem l-akkużat.

Fil-Qorti, id-Difiża mmexxija mill-Avukati Jose Herrera, Matthew Xuereb u Sandro Camilleri, ddikjarat li tixtieq tistaqsi fl-immedjat dwar messaġġi erotiċi li l-vittma bagħtet lill-akkużat fejn stidnitu għas-sess. Id-Difiża spjegat ukoll li l-koppja kienu ilhom xhur f’relazzjoni qabel ġara l-allegat stupru.

Id-difiża għamlet talba għal ħelsien mill-arrest , bil-Prosekuzzjoni topponi dn it-talba minħabba li skontha l-akkużat mhux affidabbli u li l-akkużat jaf r-residenza ta’ fejn tgħix is-sieħba.

Għaldaqstant, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni għal ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni fuq il-vittma.

Ekonomija

Sport