F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Infrastruttura,l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard ippreżentaw r-Riforma tal-Appelli għal ġustizzja fl-ippjanar.
Dr Abela spjega kif din ir-riforma se tiżgura bilanċ bejn l-interess ta’ min jappella fuq applikazzjoni ta’ żvilupp kif ukoll l-applikant, filwaqt li taċċerta regoli ċari favur il-bilanċ u l-fiduċja fis-sistema.
“Qegħdin hawn biex nagħmlu pass importanti lejn sistema tal-ippjanar li tkun aktar ġusta, aktar ċara u aktar effettiva,” qal il-Prim Ministru Robert Abela. Il-Prim Ministru spjega kif din ir-riforma se tfisser illi meta jsir appell fuq permess ta’ żvilupp, ix-xogħlijiet marbuta mal-permess jiġu sospiżi.
Sal-lum, minkejja li permess jista’ jiġi appellat, ix-xogħlijiet jistgħu jkunu diġà bdew jew inkella saħansitra spiċċaw. “Ma jistax ikun li persuna jew komunità tressaq appell, iżda sa ma tinstema’ l-kawża, ix-xogħol ikun diġà beda jew saħansitra tlesta. F’dik is-sitwazzjoni, l-appell ikun jeżisti fuq il-karta, imma mhux dejjem fil-ħajja reali. Għalhekk il-prinċipju ewlieni ta’ din ir-riforma hu li, meta jsir appell relevanti, il-permess jiġi sospiż awtomatikament sakemm il-proċess jinqata’ b’mod finali,” qal il-Prim Ministru Robert Abela.
Spjega kif il-liġi mressqa mill-Gvern se tkun qed tassigura wkoll li l-proċess ta’ appell ma jispiċċax “f’ċirku bla tmiem” għad-detriment tal-appellant u anke l-applikant għal żvilupp. Għalhekk il-proposta tal-Gvern tesiġi li wara s-sospensjoni awtomatika tal-permess, it-Tribunal tal-Awtorità tal-Ippjanar irid isejjaħ l-ewwel seduta fi żmien 30 jum. L-istess Tribunal hu mistenni li ma jdumx aktar minn sitt xhur sabiex jagħti d-deċiżjoni tiegħu.
Dr Abela kompla jispjega illi jekk wara d-deċiżjoni tat-Tribunal ikun għad hemm lok għal appell, “dan jista’ jitressaq quddiem il-Qorti tal-Appell fi żmien 20 jum. Il-Qorti mbagħad hu mistenni li jkollha erba’ xhur biex tiddeċiedi, b’estensjoni massima ta’ xahrejn.”
Kompla jgħid li hawn il-liġi tipprovdi għal tliet possibilitajiet. Jekk il-Qorti tal-Appell tiċħad l-appell, is-sospensjoni tieqaf u l-iżvilupp ikun jista’ jkompli. Jekk tilqa’ l-appell, il-permess jiġi revokat u jekk tibgħat il-każ lura għand it-Tribunal tagħti wkoll direzzjoni ewlenija fuq il-punti ewlenin tal-kawża biex jiġu evitati rinviji u appelli oħrajn.
“Dan mhux pass kontra min għandu dritt jiżviluppa l-propjetà tiegħu, mhux pass kontra min japplika għal permess. Dan hu pass favur ir-regoli ċari, favur il-bilanċ, u favur il-fiduċja fis-sistema,” sostna Dr Abela.
Il-Prim Ministru nnota wkoll kif waqt li l-permess ikun sospiż iż-żmien tiegħu ma jibqax applikabbli. Dr Abela qal li dan il-punt partikolari juri verament kemm il-Gvern irid isib bilanċ għax “ifisser li min kiseb permess ma għandux ikun penalizzat sempliċiment għax il-proċess tal-appell għadu għaddej.”
Fl-istess waqt saħaq li l-liġi tagħmilha ċara li ma jistax jinħoloq dritt jew vantaġġ minn xogħol li jsir waqt il-perjodu ta’ sospensjoni. Ksur ta’ sospensjoni jista’ jwassal għal sanzjonijiet u kull xogħol li jsir waqt il-perjodu ta’ sospensjoni se jitqies kontra l-liġi, bil-konsegwenza ta’ avviż ta’ waqfien jew twettiq immedjat. Fejn isir dan il-ksur ma jinħariġx ċertifikat ta’ konformità.
“Ridna niżguraw li l-qafas ikun wieħed serju u responsabbli. Għalhekk hemm salvagwardji. Hemm proċeduri aktar ċari. Hemm aktar ċarezza fin-notifiki. Hemm infurzar aktar b’saħħtu,” spjega l-Prim Ministru.
Filwaqt li qal li llum stess il-Gvern se jkun qed jippreżenta t-titlu tal-liġi quddiem il-Parlament fl-ewwel qari, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li se jinfetaħ proċess ta’ konsultazzjoni pubblika sat-Tlieta 18 ta’ Awwissu. “Dan se nagħmluh biex nisimgħu mingħand iċ-ċittadini, l-NGOs, il-professjonisti, il-komunitajiet, u kull min għandu kontribut serju x’jagħti.”
Id-dokument ta’ konsultazzjoni huwa disponibbli online fuq facts.mt.
Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li din ir-riforma ġejja wkoll wara diskussjoni wiesgħa ma’ stakeholders u b’impenn politiku biex din ir-riforma tiskatta fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid. Irrimarka illi inqas minn xahrejn ilu l-poplu ta r-raba’ mandat konsekuttiv lill-moviment politiku li jmexxi u li fil-manifest elettorali l-bżonn li titwettaq ir-riforma fl-appelli kien ċar. “Illum qed nagħtu sinjal qawwi li skattajna l-proċess biex din ir-riforma nwettquha. Kommessi li naslu biex b’din ir-riforma nagħmlu sistema tal-ippjanar aktar ġusta f’Malta u Għawdex dejjem isbaħ u aħjar.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard sostna li din mhijiex riforma favur jew kontra l-iżvilupp.
“Hija riforma favur il-bilanċ, il-ġustizzja u l-governanza tajba. B’din ir-riforma qed niżguraw li l-appell ma jibqax biss dritt, iżda jkollu effett reali u prattiku, filwaqt li noħolqu sistema aktar effiċjenti, trasparenti u kredibbli, b’termini ċari u deċiżjonijiet f’waqthom.”
Il-Ministru Attard kompla jgħid li din hija wkoll waħda mill-ewwel riformi ewlenin ta’ din il-leġiżlatura u xhieda ċara “li l-impenji politiċi li ħadna mal-poplu qed nibdluhom f’azzjoni konkreta, billi npoġġu l-kwalità tal-ħajja, il-fiduċja pubblika u s-saltna tad-dritt fil-qalba tas-sistema tal-ippjanar.”
