F’temp ta’ ftit jiem assistejna għall-iffirmar ta’ żewġ ftehimiet kollettivi oħra li minnhom se jgawdu għadd kbir ta’ ħaddiema u l-familji tagħhom. Ftehimiet li permezz tagħhom, il-ħaddiema mhux biss qed jieħdu dak li ħaqqhom u dak li huma intitolati għalih, imma wkoll qed jibbenefikaw minn aktar inizjattivi li se jsarrfu f’titjib tal-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Qed nitkellmu dwar l-aqwa ftehim għall-ħaddiema tal-Qorti u l-ftehim b’saħħtu għall-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, fejn għal darb’oħra rajna lill-General Workers’ Union (GWU) tkompli tkun katalista fit-tisħiħ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema membri tagħha.
Il-ftehim li ġie ffirmat għall-ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati se jwassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ aktar minn 500 ħaddiem f’aġenzija li llum tħaddem aktar minn 600 persuna. Dan ifisser investiment f’dawn il-ħaddiema li ta’ kuljum iwettqu d-doveri tagħhom b’serjetà u bi mpenn biex is-servizz tal-ġustizzja f’pajjiżna dejjem jitjieb.
Fir-rigward tal-ftehim l-ieħor, il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili qegħdin jiġu rikonoxxuti għas-servizz f’waqtu tagħhom anke meta dawn jiġu mitluba biex jassistu f’ċirkostanzi li f’xi waqtiet ikunu perikolużi anke għalihom infushom. U l-GWU flimkien mas-Civil Protection Union raw kif għamlu biex il-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema jitjiebu sostanzjalment mhux biss fil-pagi, imma wkoll fil-progress tal-karrieri tagħhom.
Għalhekk ma nistgħux ma nfaħħrux il-ħidma li saret u l-impenn min-naħa ta’ dawk kollha involuti biex setgħu jintlaħqu dawn il-ftehimiet. Dan minnu nnifsu huwa wkoll eżempju ċar u konkret ta’ kif il-prinċipji soċjali favur il-ħaddiema u l-familji qed jissarrfu f’miżuri tanġibbli li jtejbu l-kwalità tal-ħajja.
Fl-istess kuntest, il-Gvern se jibqa’ impenjat li jassisti lill-ħaddiema u jagħti s-sostenn li hemm bżonn, b’mod speċjali lil dawk li jifilħu l-inqas. Dawn il-prinċipji jistgħu jitħaddmu fil-prattika u jintlaħqu għaliex pajjiżna bena ekonomija b’saħħitha tant li tista’ tiggarantixxi li dan il-progress soċjali jitkompla.


