Tuesday, May 21, 2024

Jissuġġerixxi li l-gvern jaqta’ r-reklami fuq it-televiżjoni għal sitt xhur biex jgħin l-ekonomija

Robert Arrigo jgħid li b'dan il-mod l-ispiża tonqos b'mill-anqas €20 miljun

Aqra wkoll

Fid-diskors tiegħu l-kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu, Robert Arrigo qal li kien hemm akkomodazzjonijiet li ma fetħux dan is-sajf u hemm lukandi li minkejja li għadhom miftuħin, ix-xitwa li ġejja se jkollhom jagħlqu.

Huwa qal li għamel eżerċizzju fuq il-prezzijiet fejn sab li beef fillet żdied b’90 fil-mija, sidra tat-tiġieġa 86 fil-mija, l-għaġin b’50 fil-mija u toilet paper bi 30 fil-mija. Huwa qal li dan kollu jirrifletti żieda minima ta’ 15 fil-mija fuq il-klijenti. 

Rigward is-soluzzjonijiet, Arrigo qal li hemm soluzzjonijiet. Minkejja dan jeħtieġ li tittieħed azzjoni malajr kemm jista’ jkun. Fost dawn, il-kelliem tal-Oppożizzjoni qal li jeħtieġ li l-bdiewa Maltin u Għawdxin jingħataw serħan il-moħħ li se jkunu qegħdin ibigħu l-prodotti kollha tagħhom u li b’dan il-mod tiżdied il-ħidma tal-art li s’issa mhix kultivata. Dan iwassal għal serħan il-moħħ anke għall-konsumatur li jiġi offrut prodott lokali u frisk.

“Il-mużika fil-belt ma tistax tinbidel fi storbju wara l-10 p.m u tazza inbid ma tistax tinżillek qarsa wara l-10 p.m”, kompla biex jgħid Arrigo filwaqt li sostna dwar il-potenzjal li jara fil-Belt, l-Imdina u f’Għawdex.

Il-kelliem tal-oppożizzjoni qal li l-industrija m’għandhiex tbati minħabba l-voti. Huwa qal li jekk il-gvern inaqqas ir-reklami fuq it-televiżjoni jista’ jnaqqas l-ispiża tal-infiq b’mill-inqas €20 miljun fuq medda ta’ sitt xhur.

Arrigo qal li għandu d-dubju tiegħu wkoll rigward il-kuntratt ta’ €16-il miljun ma’ Manchester United huwa wisq għali b’mod speċjali meta l-bażi tas-sapporters tat-tim jinsabu fl-Ażja u pajjiżi li ma jikkonċernawx lil pajjiżna bħala turisti.

Arrigo qal li fid-dokument preżentat mill-Oppożizzjoni sentejn ilu, il-Partit Nazzjonalista kien tkellem dwar l-isfidi f’Kemmuna u kif dawk l-ideat għadhom jistgħu jtejbu s-sitwazzjoni. 

Huwa ssuġġerixxa lill-Ministru tat-Turiżmu biex ma jaċċettax applikazzjonijiet ġodda għal sodod addizzjonali, iżda minflok jilqa’ applikazzjonijiet għal tibdil u titjib tal-akkomodazzjoni preżenti fil-lukandi ta’ pajjiżna.

Sport