Sunday, May 5, 2024

Miri biex is-settur turistiku jaqbeż il-livelli ta’ qabel il-pandemija 

Il-Ministru għat-Turiżmu jsostni li mhux il-ħsieb tal-gvern li joħloq mill-Belt replika ta’ San Ġiljan

Aqra wkoll

Waqt konferenza li saret ilbieraħ ġew diskussi numru ta’ ideat marbuta mat-titjib li hemm bżonn biex is-settur turistiku jibqa’ jirpilja u jasal biex saħansitra jaqbeż il-livelli ta’ qabel il-pandemija.

Fid-diskors tiegħu l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo beda biex jgħid minkejja l-pożizzjoni ġeografika fost sfidi oħra li kellu jaffaċċja pajjiżna, ninsabu viċin t-tmiem ta’ sajf pożittiv ħafna fejn jidħol it-turiżmu.

Kellna turiżmu b’saħħtu fejn jidħlu turisti minn Franza, il-Polonja u l-Italja li kkumpensaw għan-nuqqas ta’ passiġġieri mill-Ingilterra u l-Ġermanja li minkejja li baqgħu juru domanda b’saħħitha għal vjaġġar lejn Malta u Għawdex, kienu affettwati minn limitazzjonijiet kkawżati minn deċiżjonijiet li ttieħdu minn ċertu ajruporti u linji tal-ajru fil-pajjiżi rispettivi.

Il-Ministru qal li fuq termini ta’ konnettività, pajjiżna konxju li minħabba l-pożizzjoni ġeografika ta’ pajjiżna, 99 fil-mija ta’ dawk li jixtiequ jiġu f’pajjiżna jkollhom jużaw l-ivjaġġar bl-ajru li għadu qiegħed jaffaċċja sfidi minħabba restrizzjonijiet relatati mal-pandemija f’pajjiżi oħra ferm ikbar minn pajjiżna.

Minkejja dan kollu, il-gvern qiegħed jaħdem biex ikun jista’ jdawwar dawn l-isfidi f’opportunitajiet ġodda biex iżid u jtejjeb il-prodott turistiku ġdid.

Il-Ministru qal li bl-istess mod li l-gvern kien hemm ta’ spalla għan-nies b’għajnuniet bħalma huma l-covid wage supplement li baqa’ joffri għal sentejn sħaħ, l-istess se jibqa’ jagħmel sa fejn hu possibbli biex jissussidja l-prezzijiet tal-ikel u l-enerġija quddiem sfida oħra bħalma hija l-invażjoni fl-Ukrajna.

Il-Ministru qal li l-gvern Malti mhux se jieqaf jinvesti fl-infrastruttura tal-pajjiż u għalhekk aktar tard din is-sena se jibdew proġetti fil-Mellieħa, Buġibba u San Pawl il-Baħar li jinkludu riġenerazzjoni fis-sistema tat-trasport kif ukoll żvilupp sostenibbli ieħor.

Tkellem dwar il-belt Kapitali ta’ pajjiżna u qal li l-Belt Valletta hija destinazzjoni mfittxija minn 90 fil-mija jew aktar tat-turisti li jżuru pajjiżna. Rigward l-aħħar investimenti fil-Belt, il-Ministru qal li bl-ebda mod, il-gvern mhux jara li joħloq mill-Kapitali ta’ pajjiżna, replika ta’ San Ġiljan. Sostna li hemm bżonn li jinstab bilanċ sostenibbli bejn ir-residenti u l-viżitaturi billi fost affarijiet oħra l-operaturi jaħsbu fil-ġid komuni tal-belt. “Jekk dan ma jseħħx, mhux se jkun hemm alternattiva oħra għajr li l-awtoritajiet iżidu l-infurzar li hemm bżonn”, sostna l-Ministru Bartolo.

Il-Ministru tkellem dwar il-bżonn li pajjiżna jinżamm nadif u li minkejja li sa ftit tal-ġimgħat ilu l-gvern nieda proġett li se jgħin biex ikompli jtejjeb is-sitwazzjoni f’numru ta’ rħula, jeħtieġ li kulħadd jagħti sehmu biex mhux biss ingawdu l-indafa bħala poplu, iżda anke ntejbu l-prodott turistiku tagħna.

Fi tmiem id-diskors tiegħu, il-Ministru qal li diskussjonijiet simili jgħinuna napprezzaw iżjed l-imsieħba soċjali minn żmien għall-ieħor iqajmu dibattiti li jwasslu għal ideat ġodda ta’ kif jistgħu jiġu indirzzati l-isfidi tal-futur.

Sport