Dott. Azzopardi Kevan, Dott. Camilleri Busuttil Gianella, Dott. Critien Abigail u Dott. Gatt Joseph. huma l-erba’ Maġistrati ġodda li se jkunu qed iservu fil-Qrati Inferjuri. Dan wara li fl-20 ta’ Diċembru 2022 saret sejħa pubblika mill-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, biex isiru espressjonijiet ta’ interess għall-ħatra ta’ erba’ Maġistrati fil-Qrati Inferjuri ta’ Malta, minn persuni eliġibbli għal dawn il-karigi.
Dawn ġew maħtura skont il-Kostituzzjoni, fejn l-Artikolu 100 jgħid li l-Maġistrati tal-Qrati Inferjuri għandhom jiġu maħtura mill-President ta’ Malta, li jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjoni magħmula mill-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura.
Wara li l-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura, imwaqqaf bis-saħħa tal-Artikolu 96(A) tal-Kostituzzjoni, irċieva u għarbel b’kollox 26 espressjoni ta’ interess minn persuni eliġibbli, l-istess Kumitat, iggwidat mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 96(B) tal-Kostituzzjoni, u bir-regoli u l-linji gwida approvati mill-istess Kumitat, għamel l-evalwazzjoni tiegħu tal-kandidati kollha.
Wara li l-Kumitat kollettivament iddelibera dwar ir-rakkomandazzjonijiet li huwa tenut jagħmel lill-President skont l-Artikolu 96(A) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, ilbieraħ is-Sur Frankie Mercieca, Segretarju tal-Kumitat, ippreżenta rapport dettaljat lill-President George Vella dwar il-kandidati li ġew irrakkomandati bħala idonei għall-ħatra ta’ Maġistrat tal-Qorti Inferjuri, mill-Kumitat, fejn hemm evalwazzjoni dettaljata ta’ kull kandidat li fil-fehma tal-Kumitat kienu l-aktar idonei u meritevoli.
Kien fuq il-fehma unanima tal-Membri tal-imsemmi Kumitat, u fuq indikazzjoni ċara ta’ min fl-opinjoni tal-Kumitat kienu dawk li l-aktar għandhom mertu u illi huma l-aktar idonei għall-kariga ta’ Maġistrat fil-Qrati Inferjuri, li ntgħażlu dawn l-erba’ individwi biex iservu f’din il-kariga.
Il-President jifraħ lill-Ġudikanti ġodda u jirringrazzja lill-Membri tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura għax-xogħol siewi u metikoluż li wettqu.