Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg laqa’ lir-rappreżentanti uffiċjali tal-kunsilli lokali ta’ Ħal Luqa, Ħal Tarxien, Birżebbuġa u ż-Żejtun f’okkażjoni li fiha tħabbru r-rebbieħa tal-proġetti permanenti ta’ mobilità sostenibbli li se jkunu implimentati minn dawn il-kunsilli.
Din is-sena timmarka l-20 edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità. It-tema magħżula għal din is-sena hi ‘Saħħa u Sigurtà Permezz ta’ Mobilità Sostenibbli’.
Il-Ministru Ian Borg tkellem dwar l-importanza ta’ dawn l-inizjattivi sabiex titkompla titwassal il-viżjoni ta’ dan il-gvern favur aktar sostenibilità u saħaq dwar l-importanza li l-mixja favur l-elettrifikazzjoni ssir b’mod naturali u bl-inqas impatt fuq in-nies. Dan sabiex fil-futur qrib inkunu nistgħu ngawdu ambjent li hu aktar sostenibbli b’inqas emissjonijiet.
Għall-kompetizzjoni ta’ din is-sena tal-proġetti permanenti għall-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità, Transport Malta rċeviet b’kollox 16-il applikazzjoni. Wara evalwazzjoni mill-kumitat tal-aġġudikazzjoni, intgħażlu erba’ kunsilli lokali.
Ir-rebbieħ ta’ din is-sena hu l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa, li se jingħata għotja ta’ €50,000. Il-kunsill ippropona x-xiri ta’ vettura elettrika li tinkludi l-installazzjoni ta’ charging pillar biex jipprovdu servizzi ta’ trasport lill-anzjani tad-day care centre. B’hekk se jiġi introdott servizz ta’ trasport għal dawk li għandhom bżonn jivvjaġġaw minn Ħal Farruġ sa Ħal Luqa u se jkun introdott servizz ta’ trasport għaċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop għall-anzjani u residenti.
Fit-tieni post segwa l-kunsill ta’ Ħal Tarxien, li se jingħata għotja ta’ €30,000. Il-kunsill applika għax-xiri ta’ vann 8-seater li jaħdem bl-elettriku sabiex jipprovdi servizz tat-trasport b’talba għall-anzjani u dawk b’mobilità mnaqqsa. Dawn se jkollhom aċċess aktar faċli għas-servizzi fi rħula viċin bħal Raħal Ġdid, il-Fgura u lokalitajiet oħrajn.
Fit-tielet post, b’għotja ta’ €25,000, segwa l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa li applika għall-fondi sabiex issir konverżjoni ta’ Triq iż-Żebbuġ f’Birżebbuġa f’żona li hi iktar sigura. Din it-triq tinsab qrib il-promenade ta’ mal-baħar, li se tgħin fit-titjib għal persuni li jivvjaġġaw bil-mixi kif ukoll għaċ-ċiklisti. Il-proposta tinkludi pavimentar, bankijiet u mwejjed, xtillieri tar-roti, u spazju għall-e-scooters. Barra minn hekk, il-proposta tinkludi wkoll xogħlijiet ta’ tisbiħ għal din it-triq.
Fir-raba’ post, b’għotja ta’ €25,000, segwa l-Kunsill Lokali taż-Żejtun li applika biex jitwaqqaf servizz ta’ trasport b’talba fi ħdan il-komunità taż-Żejtun għall-anzjani u persuni vulnerabbli. Il-kunsill ippropona li jinxtara vann elettriku 7-seater biex jipprovdi l-mobilità interkomunitarja tant meħtieġa u aċċessibilità għas-servizzi ewlenin fl-ispazji pubbliċi fiż-Żejtun. Dan hu proġett li se jkun qed jikkumplimenta anke l-inizjattiva ‘Slow Streets’ immexxija mill-kunsill lokali u l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali flimkien ma’ Transport Malta.
Il-Ministru għalaq billi rringrazzja lill-parteċipanti kollha u ħeġġeġ lill-kunsilli lokali biex meta jkun hemm dawn it-tip ta’ inizjattivi, dawn għandhom iressqu ideat u proġetti innovattivi sabiex tkompli sseħħ id-differenza fil-lokalitajiet u l-komunitajiet ta’ pajjiżna.