Telgħu għal disgħa n-numru ta’ persuni li tilfu ħajjithom wara l-isparatura fatali fi skola fit-Tajlandja, bl-aħħar vittma tkun tifla ta’ 12-il sena.
Il-Pulizija mill-Għassa ta’ Plai Bang fil-Provinċja ta’ Nonthaburi qalu li t-tifla, li kienet qiegħda tingħata l-kura l-isptar għall-ġrieħi gravi li sofriet, sfortunatament tilfet ħajjitha.
Kien il-Ġimgħa li għadda, meta ġuvni ta’ 14-il sena allegatament spara fuq in-nanniet tiegħu u mbagħad qatel aktar nies fi skola, fejn wara jidher ukoll li neħħa ħajtu b’idejh. Fl-isparatura ndarbu aktar minn 30 persuna, b’14 kienu għadhom l-isptar u nofshom jinsabu f’kundizzjoni kritika.
Bħala parti mill-investigazzjoni, il-pulizija qed titkellem ma’ aktar persuni, inkluż il-ġenituri tas-suspettat. Ġie rrapportat kif it-tifel kien ilu jgħix man-nanniet tiegħu għal dawn l-aħħar 12-il sena wara li l-ġenituri tiegħu kienu sseparaw.
L-allegat aggressur sparat minn tal-inqas 26 tir b’arma li kienet tappartjeni lil nannuh, u nstab b’34 rawnd ta’ munizzjon addizzjonali.
Matul il-jum tal-Ħadd, il-pulizija qalet lill-ġurnalisti li s-suspettat kellu air gun ikkonfiskat minn għalliem is-sena li għaddiet u allegatament kien ra kontenut vjolenti online u uża l-midja soċjali biex jitgħallem kif juża arma tan-nar.
Intant, il-Prim Ministru tat-Tajlandja Anutin Charnvirakul wiegħed li jimplimenta liġijiet ġodda dwar l-armi tan-nar, fejn qal lill-ġurnalisti li uffiċjali tal-gvern biss li jkunu fuq xogħol se jitħallew iġorru armi tan-nar. Madankollu huwa ma pprovda l-ebda dettalji speċifiċi, inkluż jekk il-leġiżlazzjoni hijiex se tagħmel aktar rekwiżiti stretti dwar il-pussess tal-armi tan-nar.
F’dawn l-aħħar snin, fit-Tajlandja seħħew għadd ta’ sparaturi tal-massa, inklużi inċidenti fi skejjel u f’ċentru kummerċjali kbir f’Bangkok. F’attakk li kien seħħ fl-2022 fil-Grigal tal-pajjiż, inqatlu 37 persuna, fosthom 22 tifel u tifla.


