“Xahrejn xogħol u għadni ma tħallastx… kif se nħallas il-kera u nixtri l-ikel”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Kif se nħallas il-kera tal-appartament?  Kif se nixtri l-bżonnijiet tiegħi ta’ kuljum? “ Kif nista’ u kif qed jippretenduni ngħix?”. Ilni naħdem xahrejn bħala ‘electrician’. Matul dawn ix-xahrejn, la irċevejt ħlasijiet ta’ xogħli u lanqas ‘pay slip’.  X’se nagħmel bla flus?”.  Jiddikjara li ħallas €8,000 lil aġent biex minn Chandigarh jiġi jaħdem f’pajjiżna.  “M’ħallewlix triq oħra għajr li nitlob l-ittra tat-terminazzjoni minn din il-kumpanija. Ma nistax nibqa’ naħdem u ma nitħallasx. Tagħtuni tort?. M’għandix għażla oħra anke jekk naf li jistgħu jġibuni li qed ngħix illegalment. ” 

Din hi s-sitwazzjoni ta’ dan il-ħaddiem u ta’ bosta oħrajn. Viżibilment inċert u anzjuż kif ukoll imbikkem, iltqajna miegħu fl-aħħar jiem, meta beda jipprova jitlob l-għajnuna għall-każ tiegħu. Jiddikjara bla tlaqlieq li bagħat messaġġi dwar meta se jitħallas, iżda baqa’ mingħajr sodisfazzjon. Agħar minn hekk il-paga baqgħet ma ngħatatlux. Wara ġimgħat ta’ qtigħ il-qalb, fejn il-ħaddiem ma kienx ikollu risposti ta’ xejn, l-aġenzija spiċċat kellha twieġeb u bdiet taħdem fuq il-każ tiegħu wara li hu għamel il-kuraġġ u talab protezzjoni biex forsi joħroġ minn din is-sitwazzjoni inumana li kien fiha. 

“Kien il-kuġin li introduċieni ma’ aġent Pakistani”

Il-ħaddiem jgħid li “kien kuġin tiegħi li introduċieni ma’ aġenti Pakistani. Jien kont ngħix fit-tramuntana tal-Indja. Tajtu €8,000 biex inkun nista’ niġi naħdem f’Malta dan wara li wegħduni li hawn kont se nibda’ ngħix ħajja ġdida u diċenti. Ħallast parti bir-revolut u partijiet oħra bi flus kontanti. L-aġent kien bagħtni għand aġenzija hawn biex ituni xogħol.  Meta ġejt hawn l-aġenzija bagħtitni naħdem f’sit bħala ‘electrician’.  Ta’ dan skoprejt li kont se nitħallas bil-paga minima u inqas minn ħaddiema lokali, anke jekk jien ċertifikat u kwalifikat sew. 

Jgħaddu xahrejn u jibqa’ bla ħlas

Jgħidilna li “issa ilni xahrejn f’dan ix-xogħol. F’dan iż-żmien qatt ma irċevejt ħlas. Meta għadda ftit żmien bdejt nitħasseb u bdejt nibgħat xi messaġġi dwar meta se nitħallas. Staqsejthom anke jekk hux qiegħed inħallas taxxa. Minkejja dan il-paga baqgħet ma ngħatatlix. Ma nistax nibqa’ ma nitħallasx. Bla flus qiegħed ikolli problemi biex nixtri l-bżonnijiet tiegħi personali u biex inħallas il-kera tal-appartament. Sa issa għenuni sħabi li fihom sibt sapport u solidarjetà, imma hemm limitu kemm dawn jistgħu jgħinuni”.

Ifittex l-għajnuna f’ċentru tal-komunità

Peress li ma kienx ilu f’pajjiżna, waħda mid-diffikultajiet li kellu kienet lil min se jaqbad ikellem dwar din il-problema. Mar f’ċentru komunitarju u hemmhekk hu sab u tkellem ma’ Manav, li jaħdem ħafna ma’ ħaddiema Indjani u anke ħaddiema oħra minn pajjiżi terzi fil-problemi li jiffaċċjaw f’pajjiżna b’mod partikolari fuq il-postijiet tax-xogħol.  Hawnhekk hu qal lil dan ir-rappreżentant bil-problema li kellu u infurmah li kien se jitlobhom l-ittra ta’ terminazzjoni biex jipprova jsib xogħol ieħor.  Hu iżda ingħata l-parir li jibqa’ hemm għax jaf taħdem kontrih.

Jeżistu rekords ta’ kemm ħadem….il-ħin fi x’ħin daħal u fi x’ħin ħareġ

Quddiem din is-sitwazzjoni qam il-punt fuq il-ħinijiet tiegħu.  Hu iżda spjega li m’hemmx problemi u diffikultajiet fuq il-ħinijiet tax-xogħol tiegħu għax kemm fi x’ħin kien jibda u kemm fi x’ħin kien jitlaq, il-ħin kien ikun kollu reġistrat. Hemm WhatsApp group li fih inniżżlu l-ħinijiet kollha. 

L-aġenzija twieġeb biss meta ntervjeniet il-GWU

Il-ħaddiem, bla flus u f’inċertezza u ansjetà kbira ma kellux triq oħra għajr li jitlob il-protezzjoni tal-GWU kif ġie suġġerit minn Manav innifsu. Hu mar fl-uffiċċju tas-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel tal-GWU, Brian Bonniċi u hemmhekk spjega l-istorja tiegħu. L-Indjan spjegalna li minn dakinhar beda jemmen ftit li f’Malta mhux kulħadd qiegħed jabbuża mill-barranin u li almenu hawn min lest jipproteġihom.

Immedjatament Brian Bonniċi kiteb lill-aġenzija u infurmaha li ma kinitx qiegħda żżomm mar-responsabbilitajiet tagħha li toħroġlu is-salarju kull xahar. Jinformahom ukoll li kienu qegħdin jaġixxu b’mod inuman u li l-ħaddiem ma jistax jgħix mingħajr ma jkollu l-paga. Infurmahom li dan hu dritt fundamentali li min jaħdem jitħallas ta’ xogħlu.  Ġew imwissija li l-Union kienet se tiskala l-ġlieda, tant li Brian Bonnici tahom ultimatum ta’ 24 siegħa biex iwieġbu qabel jeskala l-każ.

Għall-ewwel l-Aġenzija spjegat li dan ma sarx b’nuqqas imma għax kellha ħafna xogħol x’tagħmel. Hawn Bonnici nsista li din mhix skuża aċċettabbli. Imbagħad ippruvat iddawwar t-tort fuq l-Indjan għax dan qatt ma ġibed l-attenzjoni. Dlonk Bonniċi argumenta li hu kien ra u kellu provi iswed fuq l-abjad tal-komunikazzjoni u l-messaġġi li bagħtilhom l-ħaddiem Indjan, ħaġa li fil-bidu ġiet miċħuda. Minn naħa tagħha meta ġiet daharha mal-ħajt l-aġenzija wieġbet u qalet li “qegħdin niddiskutu din il-kwistjoni mal-klijent tagħkom biex insolvuha malajr kemm jista’ jkun. Bonniċi weġibhom li l-Indjan mhux klijent imma persuna umana li għandna dritt issib min jipproteġiha u jieħu li ħaqqu. 

Waqt li sostniet li qatt mhi l-intenzjoni tagħha li tirċievi riżenji jew li jtawwlu l-ħruġ tas-salarji, l-kelliema għall-aġenzija kompliet tgħid li “bħala aġenzija li nirreklutaw, aħna irridu nirċievu l-ħinijiet tax-xogħol li jkun ħadem il-ħaddiem mingħand il-klijent tagħna, qabel inkunu nistgħu nipproċessawhom. Jekk inti familjari ma’ kif jaħdmu ‘temping agencies’ suppost tifhem x’qed ngħid.”

L-aġenzija tkompli tgħid li “aħna imħassbin li l-impjegat li qed tkellmuna f’ismu qiegħed juri l-intenzjoni li jirriżenja minħabba dan id-dewmien fil-ħruġ tas-salarju. Qegħdin naħdmu biex naraw li jitħallas b’mod immedjat. Biss ma nistgħux noħorġulu is-salarju, jekk ma jkollniex is-sigħat li ħadem. Dan hu proċess li aħna nagħmluh kull xahar u nisperaw li tifhmu li dan hu l-process qabel tgħidulna li l-azzjonijiet tagħna huma inumani u abbużivi.”

L-aġenzija qaltilna wkoll li “ikkuntattjajna lill-ħaddiem li għandu jiġi fl-uffiċini tagħna biex il-kwistjoni tissolva u nindirizzaw il-kwistjoni tar-riżenja tiegħu. Ma rridux li s-sitwazzjoni teskala. Hu l-klijent tagħna li hu responsabbli li jgħaddilna is-sigħat. Aħna nistmaw lill-impjegati tagħna u ma rridux nitilfu impjegati taħt l-ebda ċirkostanza”. 

Mitlub jikkummenta dwar dan is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel tal-GWU, Brian Bonniċi qal li minkejja dan d-diskors  l-aġir  xorta kienu u se jibqa’ inaċċettabli u inuman. “Ma nistgħux naċċettaw skużi għax ħadd ma jista jgħix bla paga. L-aġenzija wara li rat li l-iskuża li ġabitilna fil-bidu ġiet ribattutta bil-provi, imbagħad ġabet skuża oħra li kellha ħafna xogħol ieħor pendenti. Għalina dan hu inaċċettabbli li tħalli persuna lampa stampa għal xahrejn”. 

Bonniċi nfurmana wkoll li sfortunatament minħabba l-fatt li l-ħaddiem talab it-terminazzjoni tal-impjieg kawża tad-dewmien fil-ħlas hemm ċans kbir li dan minkejja li jitħallas tax-xahrejn xogħol li għamel jaf ikollu joħroġ il-flus minn butu minħabba l-fatt li kien hu li talab t-terminazzjoni u l-kuntratt jaf jesiġi multi għal dan. Fil-fatt hu nfurmat li l-aġenzija qed titlob pariri mill-avukati tagħha. Bonniċi qalilna li qed jiltaqa’ kuljum ma’ abbużi simili fejn sfortunatament minn jimpjega meta ma ma jgħaddix mill-bieb jgħaddi mit-tieqa. 

“Huwa minnu li dan il-ħaddiem Indjan se jirċievi l-paga dovuta lilu imma dak li se jagħtuh f’idejh se jkunu qed joħduhulu mill-oħra u miegħu irid joħrog ukoll minn ġewwa.” Hawn Brian Bonnici appella li kull min hu nvolut f’sitwazzjonijiet simili biex jagħmel kuraġġ u jersaq lejn il-GWU li se tibqa’ bħalma dejjem għamlet tkun it-tarka tal-ħaddiem indipendendament mill-kulur, orjentazzjoni, twemmin u razza. Huwa temm jgħid li l-GWU se tibqa’ tiddefendi wkoll lill-ħaddiema Maltin għax meta tkun qed tiġġieled l-abbuż fuq il-barranin tkun qed tipproteġi direttament ukoll lill-ħaddiem Maltin billi b’reżistenza tagħlaq il-bieb għall-abbużi rampanti li qed iseħħu f’pajjiżna minn nies bla kuxjenza.  Huwa qal li l-GWU għadha wkoll kemm talbet laqgħa urgenti mal-awtoritajiet konċernati inkluż mal-Ministru responsabbli biex b’deteminazzjoni tkompli tiġġieled u teħodha kontra dan kollu. 

“Wara kollox din hija l-vokazzjoni vera tal-GWU li tiddefendi liż-żgħir. Bħalma ġġilidna l-prekarjat, bħalma ġġilidna għas-saħħa u s-sigurtà u wkoll għal ħlas ġust u ndaqs għall-ħaddiema li qed jagħmlu l-istess xogħol, issa jmissna niġġieledu din il-ġlieda kontra l-abbuż fuq il-barranin speċjalment il-ħaddiema minn pajjiżi terzi”.   

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport