Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħabbar li l-ġimgħa d-dieħla se jiġu ppubblikati l-avviżi legali li se jdaħħlu fis-seħħ miżuri ġodda bħala parti mir-riforma tal-Qorti tal-Familja.
F’intervent waqt il-programm Paperscan fuq ONE, Dr Abela qal li l-ewwel fażi ta’ din ir-riforma bdiet tiġi mplimentata fil-bidu ta’ din is-sena u issa se tkompli titwettaq b’numru ta’ miżuri ġodda. Fost l-oħrajn semma kif se tissaħħaħ il-medjazzjoni b’bidliet legali li se jiddeterminaw terminu speċifiku li matulu jrid jintemm dan il-proċess, biex familji li jkunu għaddejjin minn dan il-kapitlu negattiv jingħalaq malajr u tiġi evitata li l-partijiet iridu jmorru għal kawża.
Dr Abela spjega kif il-qofol ta’ din ir-riforma huwa l-ħarsien tal-interessi tat-tfal u l-protezzjoni tagħhom u għalhekk qal li se jiġi evitat id-dewmien fil-proċeduri. Sostna li din ir-riforma se ġġib aktar ċarezza u konsistenza fost l-oħrajn b’parametri fissi ta’ kif tkun id-deċiżjoni tal-ġudikant, kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam ma’ vjolenza domestika li tista’ taffettwa l-ġid tat-tfal tal-koppja li tkun għaddejja minn separazzjoni.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar żewġ riformi oħrajn li qed isiru fl-ewwel 100 jum ta’ Gvern ġdid – waħda minnhom hija r-riforma fl-appelli tal-ippjanar li se tara li ma jibdewx xogħlijiet meta xi ħadd jappella għall-permess li jkun ingħata u fl-istess waqt ħadd ma jistenna bla bżonn għax skont termini fissi bi skadenzi ċari ta’ meta jridu jintemmu l-proċeduri.
Ir-riforma l-oħra li għamel referenza għaliha hija tal-IVF, b’Dr Abela jgħid li l-bidliet li saru s’issa minn Gvern Laburista komplew iwessgħu id-drittijiet għall-koppji li jixtiequ jsiru ġenituri bl-IVF. Saħaq li jeħtieġ inkomplu nsaħħu l-qafas leġiżlattiv tal-IVF biex inkomplu nagħtu iktar jeddijiet lil min irid isir ġenitur b’dan il-mod u b’hekk jiġi evitat l-iskariċċ ta’ koppji li jkollhom isiefru. Qal li dan jista’ jsir billi iktar servizzi jingħataw f’pajjiżna stess.
Il-multi fuq il-post huma għodda ġdida ta’ deterrent
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-introduzzjoni riċenti tal-multi fuq il-post (on-the-spot) li qed jibdew jingħataw mill-Pulizija lit-turisti li jiksru l-bon ordni u l-paċi pubblika waqt li jkunu għal btata f’Malta. Qal li l-intenzjoni ta’ dawn il-multi hi li fejn qabel kellek sitwazzjoni fejn membru tal-Korp tal-Pulizija kien jagħti ċitazzjoni lil min iwettaq reat, imbagħad jirċievi notifika numru ta’ ġranet wara meta t-turist ikun laħaq telaq, issa uffiċjal tal-Pulizija jekk jara li qed jitwettaq reat, imur fuq min iwettqu, dakilħin irid iħallas il-multa, u jekk le hemm il-konsegwenzi.
Dr Abela qal li filwaqt li rdoppja l-minimu ta’ dawn il-multi, biex issa l-inqas li tista’ teħel hija ta’ €50, minbarra li l-multa trid titħallas minnufih, iddaħħal kunċett ġdid ieħor, jekk għandek reat li l-multa titla’ għal €200 jew iktar, minbarra li trid titħallas il-multa minnufih, jista’ jkun li l-każ jiġi riferut lill-Kummissarju tal-Pulizija u jekk iħoss li l-preżenza ta’ dik il-persuna mhix kumpatibbli mal-ordni pubblika jista’ jordna li dak it-turist jitkeċċa minnufih minn pajjiżna.
Il-Prim Ministru rringrazzja l-ħidma li qed issir mill-forzi tal-ordni, li qal qed isir ħafna investiment fihom b’titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, fl-apparat protettiv li jużaw u tagħmir ieħor fost affarijiet oħra, għax jemmen li b’dan il-mod qed tonqos ir-rata ta’ kriminalità, tiżdied il-fiduċja tal-poplu fil-forzi tal-ordni, u b’hekk il-Maltin u l-Għawdxin iħossuhom kuntenti jgħixu f’pajjiż sigur.
Stabbilità fis-settur tal-enerġija f’Malta fl-isfont tas-sitwazzjoni ġeopolitika
Dr Abela qal li din il-ħidma li qed issir f’dawn l-ewwel 100 jum hija importanti għax tirrifletti l-impatt tal-Gvern fil-5 snin li ġejjin, b’mod speċjali fl-isfont tas-sitwazzjoni internazzjonali, hekk kif is-settur tal-enerġija huwa ta’ tħassib ferm minħabba l-isplużjoni fil-prezzijiet tal-enerġija. Sostna li hu ma tkellimx mod qabel l-elezzjoni u mod ieħor wara l-elezzjoni, bħalma għamel ħaddieħor, imma ra kif se jkompli joffri stabbilità lill-familji u n-negozji b’politika strateġika ekonomika li qed tindirizza din ir-realtà ġeopolitika.
Il-Prim Ministru rrefera għas-sitwazzjoni fil-pajjiżi barranin, fosthom l-eqreb pajjiż tagħna, l-Italja, fejn il-prezz tal-fjuwil huwa madwar id-doppju ta’ dak li għandna f’pajjiżna. Qal li filwaqt li l-Gvern qed jagħti garanzija ta’ stabbilità assoluta f’dan is-settur importanti, Gvernijiet oħra mhux jirnexxielhom jagħtuha u qed jitfgħu piż fuq il-familji. Spjega kif f’Malta l-prezzijiet tal-enerġija se jibqgħu stabbli għax għandna finanzi u ekonomija li jippermettulna, flimkien mal-għaqal u l-kompetenza ta’ Gvern Laburista.
Temm jgħid li l-Partit Laburista għandu mandat storiku li qed iwettqu b’saħħa billi jkompli jibqa’ viċin in-nies u qrib ir-realtajiet li qed jgħixu, bi Gvern li jaġixxi biex jindirizza s-sitwazzjonijiet li għaddejjin minnhom, biex pajjiżna jibqa’ isbaħ u iktar sigur, b’soċjetà unika msejsa fuq valuri b’saħħithom.


