Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ppresjeda ftehim bejn il-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija, il-Qrendi, u d-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni sabiex jingħata bidu għal proġett bżonjuż ta’ restawr li se jrodd lura l-glorja li jixirqilha din il-parroċċa.
Il-Ministru Bonnici qal li dan il-proġett ta’ restawr huwa investiment importanti fil-wirt kulturali u reliġjuż tagħna li jsaħħaħ l-identità tal-komunità tal-Qrendi u jħares il-ġmiel storiku tal-knisja għall-ġenerazzjonijiet futuri. Huwa faħħar il-preparazzjoni u d-dedikazzjoni ta’ dawk kollha involuti u sostna li inizjattivi bħal dawn se jagħtu ħajja ġdida lill-qalba tal-irħula Maltin.
Qal li dan il-proġett jingħaqad ma’ proġetti oħra ta’ restawr ta’ wirt reliġjuż ieħor li saru fosthom il-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta u l-Knisja tat-Trinità fil-Marsa.
Ix-xogħlijiet li se jsiru jinkludu r-restawr tal-faċċata tan-naħa tat-Tramuntana (bil-kampnar) u ta’ wara u kif ukoll l-aperturi f’dawn il faċċati.
Il-Knisja Parrokkjali tal-Qrendi ddedikata lil Marija Assunta nbniet fl-1620 fuq art fejn kien hemm żewġ kappelli oħra żgħar.
L-iffirmar sar mid-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni l-Perit Mark Azzopardi u Fr Mario Said u mis-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross.

