Friday, December 27, 2024

Jiżdied in-numru ta’ Avukati tat-Tfal bi preparazzjoni għal aktar tisħiħ ta’ dan l-irwol

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ħatar 10 avukati biex ikunu jistgħu jagħtu s-servizz tagħhom lit-tfal fil-Qorti tal-Familja, fil-Qorti tal-Minorenni u fil-Qorti Kriminali. Il-Ħatra ta’ dawn l-Avukati tkompli ssostni l-investiment bla preċedent fir-riżors uman fis-settur tal-ġustizzja, fejn kważi ġie rdoppjat in-numru ta’ Avukati appuntati biex iservu f’dan l-irwol.

“Fl-aħħar snin, bħala Gvern għarafna li nkomplu nsaħħu l-irwol tal-Avukat tat-Tfal, fejn sar verament rappreżentant legali tat-tfal, u mhux espert tal-Qorti. Irridu naraw li nkomplu nsaħħu dan l-irwol bil-għan li jkun hemm ġustizzja effettiva, effiċjenti u fl-aqwa interess tal-minuri,” qal il-Ministru Attard.

F’dan il-kuntest il-Ministru Attard qal li fiż-żmien li ġej se tkun varata konsultazzjoni pubblika dwar is-settur tal-familja, li tinkludi wkoll rakkomandazzjoni fuq it-tisħiħ ta’ dan l-irwol. Dawn il-proposti mhux biss jaraw li l-Avukati tat-Tfal ikunu organizzati fi struttura speċjalizzata li tkun tista’ toffrilhom kundizzjonijiet aħjar ta’ kif joffru servizz, imma wkoll proposti ta’ kif l-irwol tagħhom ikompli jissaħħaħ sa mill-istadju bikri tal-proċeduri.

“Il-ħidma ta’ kumitat tekniku intern waslet fi stadju avvanzat fuq l-ewwel sett ta’ rakkomandazzjonijiet f’dan is-settur tant sensittiv u importanti. Din il-ħidma hija msejsa fuq diversi proposti ta’ stakeholders fis-settur, rapporti u l-esperjenzi ta’ nies li ffaċċjaw dawn ir-realtajiet,” żied jgħid il-Ministru Attard.

Huwa rrefera għal ċertu aspetti mir-riforma proposta, inkluż il-ħolqien ta’ struttura jew bord li fih ikun hemm involviment akbar u aktar dirett ta’ professjonisti mhux legali fil-proċess. Qal li din se tkun konsultazzjoni pubblika oħra li mistennija tistimula diskussjoni u dibattitu importanti f’pajjiżna.

Ġie spjegat ukoll li l-mira hija li dawn l-avukati jiżdiedu, iżda biex dan iseħħ jeħtieġ li jkun hemm it-taħriġ neċessarju biex dawk maħtura jkunu preparati biex iwettqu xogħolhom bl-aħjar mod possibbli.

Il-Ministru Attard tenna dwar l-impenn tal-Gvern li jimbotta u jisħaq fuq l-importanza tal-edukazzjoni u qal li dawn il-ħatriet huma konferma tal-interess tiegħu li mumenti daqstant delikati jkollhom l-inqas impatt possibbli fuq il-minorenni. Fakkar ukoll kif permezz tal-aġġornament teknoloġiku fil-Qrati, il-minorenni llum jistgħu jagħtu x-xhieda mingħajr pressjoni żejda bi preżenza fiżika fil-Qorti.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-servizzi tal-Qrati Eunice Grech Fiorini qalet li l-aġenzija qed taġixxi b’mod proattiv għall-ħtiġijiet tat-tfal u tirrikonoxxi li jistħoqqilhom rappreżentanza legali robusta. Hija tkellmet dwar it-taħriġ provdut lill-Avukati tat-Tfal u l-investiment li qed isir, inkluż fit-teknoloġija, biex ikollna sistema legali li verament taqdi l-bżonnijiet ta’ kulħadd, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli.

Fi tmiem iċ-ċerimonja l-Ministru Attard ippreżenta ċertifikat tal-ħatra lill-Avukati, awguralhom u tenna l-konvinzjoni li bħala professjonisti se jkunu qegħdin iwettqu xogħolhom b’serjetà, imparzjalità, f’rispett lejn il-liġijiet u r-regolamenti kollha tal-pajjiż.

L-Avukati tat-Tfal maħtura huma Av. Deborah Camilleri, Av. Stephanie Caruana, Av. Charmaine Cherrett, Av. Rosanna Ciliberti, Av. Stephanie Galea, Av. Mary Muscat, Av. Marita Pace Dimech, Av. Tanya Sammut, Av. Tatiane Scicluna Cassar u Av. Alexandra Sladden.

Ekonomija

Sport