Għawdex reġa’ għal darba oħra kien destinazzjoni ewlenija għall-Maltin f’dan il-perjodu festiv. Minn informazzjoni li kiseb dan il-ġurnal jirriżulta li fil-ġimagħtejn ta’ qabel il-Milied u l-ewwel tas-sena, l-għadd ta’ passiġġieri li qasmu l-fliegu żdied b’4.5% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Dan ifisser li bejn l-20 ta’ Diċembru u l-1 ta’ Jannar qasmu lejn Għawdex madwar 100,000 persuna. Dan juri wkoll kemm Għawdex għadu għal qalb il-Maltin minkejja li s-safar u l-vaganzi lejn pajjiżi oħra qiegħed dejjem jiżdied.
Dan jirrifletti wkoll kummerċ tajjeb kemm għas-sidien tal-lukandi u postijiet oħra ta’ akkomodazzjoni kif ukoll għall-ħwienet u r-ristoranti. Dan jindika wkoll li l-Maltin huma kuntenti bis-servizz tat-trasport bejn iż-żewġ gżejjer operat mill-Gozo Channel u l-fast ferry.