Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, se jkun qed jgħaddi r-responsabbiltajiet ta’ Segretarju Ġenerali lil Kevin Camilleri għada, sabiex jiffoka bis-sħiħ fuq il-kampanja elettorali tiegħu fl-1 u t-8 Distrett. Meta jħares lura lejn 10 snin ta’ tmexxija, huwa fakkar li l-Union għaddiet minn bidliet kbar, kemm fl-istrutturi interni kif ukoll fil-filosofija u fil-politika tagħha tat-trejdjunjoniżmu. Huwa saħaq li l-Union kisbet rebħiet kbar li gawdew minnhom il-ħaddiema kollha matul is-snin.
Fost dawn kien hemm progress fil-ġlieda kontra l-prekarjat, paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali, politika ta’ inklużjoni u ugwaljanza, kif ukoll prinċipji favur il-kwalità ta’ ħajja aħjar biex iċ-ċittadini jgawdu aktar il-ħajja u biex il-ġenituri jkollhom aktar żmien irabbu lil uliedhom bil-kura li jixirqilhom.
F’dawn l-aħħar snin, taħt it-tmexxija ta’ Josef, il-General Workers’ Union irrappreżentat eluf ta’ ħaddiema kemm fl-amministrazzjoni pubblika kif ukoll fis-settur privat, sabiex ġew innegozjati pagi xierqa u kundizzjonijiet aħjar. Huwa kien protagonist f’diversi tibdiliet leġiżlattivi u fl-introduzzjoni ta’ qafas legali li ta drittijiet ġodda lil diversi ħaddiema, fosthom il-ħaddiema tal-pjattaforma.
Dan flimkien ma’ żieda kontinwa fil-paga minima u diversi tipi ta’ leave speċjali. Josef Bugeja dejjem saħaq li kull ħaddiem għandu jitħallas b’mod diċenti għal xogħlu. Huwa dejjem saħaq ukoll li t-tkabbir ekonomiku għandu jkun mibni fuq il-ġustizzja soċjali.
Wieħed mill-mumenti li l-aktar jibqa’ jispikka kien il-battalja biex jiġi mħares il-Workers’ Memorial Building, wara li l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, flimkien mal-membri Nazzjonalisti kollha, fetħu kawżi li heddew id-dar tal-General Workers’ Union. Il-Union iġġieldet u rebħet dan il-każ fil-qrati ta’ Malta, biex assigurat li l-Workers’ Memorial Building jibqa’ l-qalba tal-operat tagħha.

