Wara ġurnata ta’ xhieda twila, li matulha Melvin Theuma insista li Yorgen Fenech kien l-uniku “mastermind” wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, illum il-ġuri jidħol fl-34 jum tiegħu bit-tkomplija tax-xhieda tal-middleman Melvin Theuma
Il-ġuri kontra Yorgen Fenech ikompli llum fil-Qorti, fejn Melvin Theuma mistenni jerġa’ jitla’ fuq il-pedana tax-xhud biex ikompli jagħti x-xhieda tiegħu quddiem l-Imħallef Edwina Grima u l-ġurati.
Is-seduta tal-bieraħ kienet iddominata kompletament minn Theuma, li għal diversi sigħat irrakkonta l-verżjoni tiegħu ta’ kif ġie organizzat il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-ħlasijiet li jgħid li saru lill-aħwa Degiorgio u l-biża’ li ħakmitu wara l-assassinju.
Fost l-aktar dikjarazzjonijiet li spikkaw, Theuma insista li, għalih, Yorgen Fenech kien l-uniku persuna li ordnat il-qtil. Huwa ddistakka lil Keith Schembri minn involviment dirett fl-ordni jew fil-finanzjament tal-assassinju, minkejja li tenna l-allegazzjoni tiegħu li Fenech kien jgħidlu li l-eks Chief of Staff kien qed jgħaddilu informazzjoni wara l-qtil.
Qatt ma nista’ nimplika lil Keith għax qatt ma tkellem miegħi dwar Daphne u qatt ma tani ċenteżmu,”qal Theuma waqt mument ta’ tensjoni fl-awla. Ix-xhud ħa lill-ġurati lura għall-2017 u allega li Fenech kien avviċinah barra l-Blue Elephant f’Portomaso u tah struzzjonijiet biex jagħmel kuntatt ma’ Alfred Degiorgio biex jiġi organizzat il-qtil.
Theuma qal li wara l-ewwel kuntatti mal-aħwa Degiorgio ġie mitlub ammont ta’ €150,000,b’depożitu ta’ €30,000. Skont ix-xhud, il-pjan twaqqaf temporanjament minħabba l-elezzjoni ġenerali tal-2017, iżda reġa’ beda wara l-elezzjoni. Huwa sostna li Fenech aktar tard tah envelop b’€150,000 fi flus kontanti u li l-għada għadda €30,000 lil Alfred Degiorgio bħala depożitu.
Theuma rrakkonta wkoll messaġġi li, skont hu, kienu jaslulu minn Fenech biex iħaffef il-qtil, kif ukoll allegata referenza biex il-bomba tiżgura li Daphne tinqatel u mhux biss tweġġa’.Meta tkellem dwar il-jum tal-assassinju, Theuma nfaqa’ jibki u qal li meta sar jaf bil-qtil ħass li “ħajtu spiċċat”
Il-ġurati semgħu wkoll kif wara l-qtil Theuma baqa’ jżomm kuntatt mal-aħwa Degiorgio u, skont hu, kien jgħaddilhom eluf ta’ ewro f’pagamenti regolari, kif ukoll flus għal avukati, spejjeż fil-ħabs u spejjeż oħra. Parti oħra importanti tax-xhieda ffukat fuq ir-recordings sigrieti li Theuma għamel ta’ konversazzjonijiet ma’ Fenech.
Huwa qal li beda jirrekordja għax kien konvint li seta’ jispiċċa maqtul u li, bħala l-persuna li kienet tgħaqqad lil Fenech mal-allegati eżekuturi, kien iħoss li ħajtu kienet fil-periklu. “Ir-recordings kienu ħajti. Salvawni,” qal lill-ġurati.
Theuma xehed ukoll dwar il-“phantom job”li jgħid li ngħata wara laqgħa ma’ Keith Schembri f’Kastilja, fejn sostna li beda jirċievi ċekkijiet ta’ kull xahar minkejja li qatt ma wettaq xogħol.
Illum, il-Prosekuzzjoni mistennija tkompli bix-xhieda ta’ Theuma, hekk kif il-ġuri jidħol f’ġurnata oħra li mistennija tiffoka fuq ir-rwol tiegħu bħala middleman u fuq ir-rabtiet li huwa jallega li kien hemm bejn il-persuni involuti fil-pjan tal-assassinju.


