Tlestija tal-ewwel fażi tar-rinnovazzjoni u l-modernizzazzjoni ta’ Dar il-Ġmiel fl-Imtarfa

Aqra wkoll

L-ewwel fażi tal-proġett ta’ rinnovazzjoni u modernizzazzjoni ta’ Dar il-Ġmiel fl-Imtarfa tlestiet b’suċċess, b’investiment ta’ madwar €970,000, li jkompli jsaħħaħ il-kwalità tal-kura u l-kwalità tal-ħajja tal-persuni anzjani residenti f’din il-faċilità. Inawguraw l-ewwel fażi tal-proġett id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Deo Debattista.

Id-Deputat Prim Ministru saħaq li, “Huwa dmir tal-Gvern li jiżgura li dawk il-persuni li tant ħadmu b’dedikazzjoni u taw sehemhom għall-iżvilupp ta’ pajjiżna, illum igawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar u jgħixu b’dinjità u kumdità. Huwa għalhekk li qed ninvestu b’mod konkret fil-faċilitajiet residenzjali tagħna.”

“L-investiment ta’ kważi miljun ewro f’Dar il-Ġmiel, l-Imtarfa, huwa eżempju ċar tal-prijorità li qed nagħtu biex inkomplu nsaħħu s-servizzi għall-anzjani u ntejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom. Mhux biss qed ninvestu f’faċilitajiet ġodda, iżda qed nimmodernizzaw u nimmassimizzaw ukoll dawk eżistenti, biex noħolqu ambjent aktar modern, sigur u aċċessibbli li joffri l-ogħla standards ta’ kura. Fl-istess waqt, qed inħarsu lejn il-futur permezz ta’ investimenti fl-innovazzjoni u fit-teknoloġija, biex il-kura tal-anzjani f’pajjiżna tibqa’ waħda ta’ eċċellenza,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Deo Debattista enfasizza li dan l-investiment huwa parti mill-impenn kontinwu tal-Gvern sabiex il-persuni anzjani jgħixu f’ambjent modern, sigur, komdu u dinjituż. “L-anzjani tagħna jistħoqqilhom l-aqwa kwalità ta’ ħajja. Dan l-investiment mhux biss ifisser bini rinovat, iżda investiment fil-benesseri, fis-sigurtà u fid-dinjità ta’ dawk li taw tant lis-soċjetà tagħna. Se nibqgħu naħdmu sabiex ir-residenzi tagħna jibqgħu jilħqu l-ogħla standards ta’ kwalità u kura.”

Il-proġett twettaq f’fażijiet sabiex jibqgħu jiġu mogħtija s-servizzi, filwaqt li tnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt fuq ir-residenti. Dan kien possibbli grazzi għall-ħidma koordinata tat-tim tal-Proġetti fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, flimkien mal-management, il-professjonisti, il-kuntratturi u l-ħaddiema kollha involuti.

Fost ix-xogħlijiet ewlenin li twettqu kien hemm rinnovazzjoni estensiva tal-kmamar tar-residenti u ż-żoni komuni, l-installazzjoni ta’ għamara u tagħmir ġdid, titjib fis-sistemi tal-elettriku, tal-ilma u tal-arja kkundizzjonata, aġġornament tas-sistemi tas-sigurtà inkluż fire alarm ġdid, CCTV u ġeneratur ta’ emerġenza, kif ukoll il-modernizzazzjoni tal-istazzjonijiet tal-infermiera u ż-żoni amministrattivi. Ġiet ukoll stabbilita Smart Care Demonstration Room li se sservi bħala spazju innovattiv għall-introduzzjoni u l-evalwazzjoni ta’ teknoloġija ġdida fil-kura tal-persuni anzjani.

Dr Borg u Dr Debattista rringrazzjaw lill-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Steve Agius, lit-tim tal-Proġetti, lill-management u lill-ħaddiema kollha li b’dedikazzjoni ħadmu sabiex il-proġett jitlesta b’suċċess, filwaqt li rringrazzjaw wkoll lir-residenti u lill-familji tagħhom tal-kooperazzjoni li wrew tul il-proċess kollu.

Huma tennew ukoll li dan il-proġett huwa xhieda tal-viżjoni tal-Gvern li jkompli jinvesti f’faċilitajiet residenzjali moderni u aċċessibbli, sabiex kull persuna anzjana tgawdi minn kura ta’ kwalità f’ambjent li jirrispetta d-dinjità u l-benesseri tagħha.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport