Tuesday, April 28, 2026

Jum il-Ħaddiem: L-OHSA ssaħħaħ il-Protezzjoni Permezz ta’ Prevenzjoni, Infurzar u Investiment Storiku

Aqra wkoll

Fil-ġimgħa li fiha Malta tiċċelebra Jum il-Ħaddiem, ir-Rapport Annwali tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) għall-2025, li għadu kemm ġie ppubblikat, jikkonferma li l-impenn tal-Gvern għall-protezzjoni tal-ħaddiema mhuwiex slogan, iżda twettiq konkret, imsarraf f’liġijiet, f’investiment, f’servizzi, u fuq kollox, f’ħajjiet imħarsa.

Jum il-Ħaddiem mhuwiex biss ċelebrazzjoni. Huwa dikjarazzjoni li l-ħaddiem għandu d-dritt jaħdem f’ambjent sigur, b’saħħtu u dinjituż, u jirritorna lejn il-familja tiegħu kuljum. Dan id-dritt qed jiġi mħares b’mod konkret.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol Dr Josianne Cutajar esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-mod kif l-awtorità trasformat l-operat tagħha f’wieħed iżjed proattiv, inkluż b’investiment f’sistemi diġitali u f’riżorsa umana akbar u b’aktar kompetenzi.

“Dan wassal għal diversi riżultati pożittivi fejn ilħaqna iżjed postijiet tax-xogħol u rajna wkoll iżjed konformità ma’ dawk li huma regolamenti tas-saħħa u sigurtà. Fuq kollox filwaqt li n-numru ta’ ħaddiema ġo Malta żdied matul l-aħħar sena, in-numru ta’ aċċidenti fuq il-post tax-xogħol komplew jonqsu”, sostniet Dr Cutajar.

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni qal li matul is-sena li għaddiet mhux biss rat l-implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida tal-OHSA imma wkoll aktar investiment fir-riżorsi umani, b’żieda fil-preżenza tal-awtorità inkluż f’Għawdex u kif ukoll aktar preżenza fid-dinja tax-xogħol b’aktar spezzjonijiet.

“Rajna wkoll li nwittu l-bażi għal dik li hija ħidma għal din is-sena fejn qed nassiguraw li jkun hemm taħriġ fuq bażi nazzjonali marbut mas-saħħa u s-sigurtà biex imorru lejn kultura ta’ prevenzjoni u mhux ta’ reazzjoni fid-dinja tax-xogħol”, sostna l-Ministru Attard.

L-OHSA ttenni li għaliha l-ħaddiem mhuwiex biss riżorsa ekonomika iżda ċittadin b’drittijiet fundamentali. Is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol mhumiex formalità. Huma kwistjoni ta’ ħajja, dinjità u ġustizzja soċjali.

Permezz ta’ liġijiet ġodda, ċentri ġodda, uffiċċju ġdid f’Għawdex, ftehim ma’ entitajiet differenti, u eluf ta’ spezzjonijiet preventivi, l-awtorità qed twettaq dak li jfisser tassew Jum il-Ħaddiem, li kull ħaddiem f’Malta u Għawdex ikollu d-dritt li jaħdem b’sigurtà u jirritorna d-dar qawwi u sħiħ għax għall-OHSA ‘KULL ĦADDIEM JGĦODD’.

X’joħroġ mir-rapport annwali?

Prevenzjoni li Tipproteġi l-Ħajjiet tal-Ħaddiema Maltin u Għawdxin

Flimkien ma’ riformi leġislattivi, matul l-2025, l-OHSA wettqet 23,711 spezzjoni, żieda ta’ kważi 10 darbiet meta mqabbla mal-2023. Madwar 82% tal-ispezzjonijiet fis-setturi ġenerali kienu proattivi, jiġifieri saru qabel ma seħħ inċident. Din hija l-qalba tal-filosofija tal-Gvern, waħda proattiva u mhux reattiva.

Madwar 80% tal-ispezzjonijiet kienu fuq is-settur tal-kostruzzjoni, fejn il-ħaddiema huma esposti għall-akbar riskji. Fejn kienet meħtieġa azzjoni ta’ infurzar, ittieħdet, għax is-sigurtà mhix għażla iżda dritt u obbligu fundamentali.

Wara dan ix-xogħol kollu kien hemm investiment dirett fit-talent u r-riżorsi tal-Awtorità. Is-Sezzjoni Teknika tal-OHSA sal-aħħar tal-2025 kienet kellha 38 membru tal-istaff, żieda ta’ 58% fil-ħaddiema meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Din iż-żieda fir-riżorsi tat lill-Awtorità iżjed preżenza fis-siti, b’aktar frekwenza, u b’aktar kompetenza, biex il-protezzjoni tal-ħaddiem ma tibqax fuq il-karta, iżda titwettaq fil-prattika.

Investiment bla preċedent fit-Taħriġ

Komplejna ninvestu fil-prevenzjoni permezz ta’ taħriġ u għarfien. Fl-2025 ġie inawgurat iċ-Ċentru ta’ Taħriġ tal-OHSA, li saħħaħ il-kompetenza nazzjonali fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. 

Servizzi Aktar Aċċessibbli 

Il-Helpline 138 irreġistra żieda ta’ 188% fit-telefonati, filwaqt li aktar minn 3,400 każ ġew indirizzati permezz tas-servizz tal-Customer Care. Dan huwa sinjal qawwi li l-fiduċja fl-OHSA qed tikber, u li dejjem aktar ħaddiema qegħdin jagħrfu d-drittijiet tagħhom.

Aktar preżenza f’Għawdex

Bil-ftuħ tal-uffiċċju f’Għawdex f’April 2025, il-Gvern żgura li l-ħaddiema Għawdxin igawdu l-istess protezzjoni u s-servizzi bħal tal-ħaddiema f’Malta. 

Inqas Riskju, Aktar Responsabbiltà

Fl-2025 ġew investigati 633 inċident fuq il-post tax-xogħol, inklużi disa’ fatalitajiet. Filwaqt li kull każ jibqa’ traġiku, dawn iċ-ċifri jkomplu juru l-importanza ta’ prevenzjoni, infurzar u responsabbiltà kollettiva biex jitnaqqsu r-riskji.

Fl-istess ħin, qed jidher impenn dejjem jikber lejn konformità, b’ min iħaddem jadotta aktar proċeduri aħjar ta’ saħħa u sigurtà.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport