Numru ta’ żgħażagħ iċċelebraw il-kreattività, it-talenti u l-ispirtu komunitarju waqt festival organizzat fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ, li sar f’Kennedy Grove, San Pawl il-Baħar.
Il-festival ġie mfassal u organizzat minn grupp ta’ voluntiera żgħażagħ bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) u l-Aġenzija tal-Programmi tal-Unjoni Ewropea (EUPA), bħala parti mill-inizjattiva internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti li kull sena, fit-12 ta’ Awwissu, tagħti ġieħ lill-kontribut taż-żgħażagħ fis-soċjetà.
Din l-attività ffurmat parti minn moviment globali li jagħraf ir-rwol importanti taż-żgħażagħ fil-komunitajiet tagħhom, filwaqt li toffrilhom spazju fejn jesprimu l-ideat tagħhom, jiżviluppaw it-talenti tagħhom u jsaħħu r-rabtiet ma’ oħrajn.
Organizzat madwar it-tema tal-parteċipazzjoni attiva u l-kreattività, il-festival offra firxa ta’ attivitajiet immirati biex iġibu lin-nies flimkien f’ambjent ta’ pjaċir u inklussiv. Fosthom kien hemm wirjiet ta’ mużika live, workshops kreattivi, stands immexxija minn żgħażagħ b’diversi interessi u inizjattivi differenti, kif ukoll wirja artistika li tat prominenza lill-espressjoni kreattiva tal-ġenerazzjoni żagħżugħa.
Il-festival serva wkoll bħala pjattaforma fejn iż-żgħażagħ setgħu juru l-ħiliet u l-proġetti tagħhom lill-pubbliku, filwaqt li ħoloq opportunitajiet ġodda ta’ networking, kollaborazzjoni u involviment fil-ħajja komunitarja.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia spjegat kif, “Meta ninvestu fiż-żgħażagħ inkunu qed ninvestu fil-futur tal-pajjiż. Dan il-gvern jemmen li ż-żgħażagħ għandhom ikunu protagonisti fit-tfassil tal-komunitajiet tagħna, u għalhekk nibqgħu noħolqu aktar opportunitajiet fejn jistgħu jesprimu t-talenti tagħhom, jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom u jagħtu s-sehem tagħhom permezz tal-volontarjat u l-parteċipazzjoni attiva. Avvenimenti bħal dawn juru biċ-ċar li meta nagħtu spazju liż-żgħażagħ, huma kapaċi jmexxu inizjattivi li jagħmlu differenza reali fil-komunità.”
Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat u l-EUPA rringrazzjaw lill-voluntiera kollha li taw sehemhom fl-organizzazzjoni tal-attività u ħeġġew aktar żgħażagħ biex ikomplu jinvolvu ruħhom f’inizjattivi li jsaħħu l-komunitajiet u jippromwovu kultura ta’ parteċipazzjoni attiva.

