Il-Federazzjoni Ewropea tas-Sewwieqa Amatuers tat-Trott (FEGAT) qed iżżomm l-appuntament tagħha biex torganizza l-Kampjonat Ewropew annwali tagħha din id-darba fil-Belġju fil-jiem li ġejjin. Bis-sewwieqa minn 13-il pajjiż Ewropew mistennija jaslu l-belt Belġjana ta’ Kortrijk is-Sibt, il-klabb Belġjan tat-Tiġrijiet għall-Amatuers ħejja avveniment fuq jumejn, għal 4 tiġrijiet b’kollox li għandhom isiru nhar it-Tnejn 15 u t-Tlieta 16 ta’ Lulju. Clint Vassallo ser ikun s-sewwieq Malti li jirrapprezenta lill pajjizna din is-sena.
Bħalissa Malta għandha t-titlu tal-Kampjonat tad-Dinja tal-federazzjoni wara r-rebħa tas-sewwieq Malti Cliferty Calleja fill-Kampjonat Dinji tal-2022 għal Gentleman Drivers li sar fl-Italja. Barra minn hekk, bħalissa Malta għandha wkoll it-titlu tal-Kampjonat Ewropew tan-Nisa meta Cherise Farrugia ġiet inkurunata Champion Driver fit-28 ta’ April 2024, meta l-Kampjonat sar ġewwa pajjizna stess. Il-Malta Racing Club issa għażel lil Clint Vassallo biex jirrappreżenta lil Malta fil-Kampjonat Ewropew wara li s-sena l-oħra l-parteċipazzjoni ta’ Jesmar Gafa fl-istess kampjonat spiċċat b’wirja pozittiva meta għalaq fil-ħames post.
Clint Vassallo se jkun qed isuq kontra 12-il sewwieq ieħor li ġejjin mill-pajjiż ospita l-Belġju, l-Awstrija, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, l-Olanda, in-Norveġja, Spanja, l-Isvezja u l-Isvizzera. Erba’ tiġrijiet jiffurmaw parti minn dan il-kampjonat b’żewġ tiġrijiet li jsiru nhar it-Tnejn f’Ostende fejn Clint Vassallo ser jipparteċipa fuq Just to Win u Ianaka d’Occagnes, filwaqt li l-għada, ser isuq f’żewġ tiġrijiet oħra fil-korsa ta’ Mons fuq Ona Ter Putten u Kimberly du Loisir.
Clint Vassallo għandu 38 sena u kellu l-ewwel tiġrija uffiċjali tiegħu f’Malta fit-28 ta’ Ottubru 2001. Sal-lum jgħodd 2168 parteċipazzjoni f’tiġrijiet uffiċjali fi ħdan il-Malta Racing Club għal 245 rebħa fil-karriera tiegħu. Clint Vassallo għandu ukoll esperjenza internazzjoni b’tigrijiet ġewwa l-Isvezja, kif ukoll fi Franza u r-Rumanija jirrapreżenta lill-pajjiżna.
Il-Malta Racing Club jixtieq lil Clint Vassallo kull suċċess f’dan il-Kampjonat.