Monday, March 17, 2025

Kampjonat Ewropew tas-Snooker – Antalya 2025: Tmien logħbiet għal Malta fl-ewwel jum

Aqra wkoll

It-Tnejn, f’Antalya fit-Turkija jingħata bidu għal edizzjoni ta’ din is-sena tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker organizzat mill-European Billiards and Snooker Association fuq format open. Il-lista tal-plejers li ser jieħdu naqqset b’wieħed peress li l-Kroat, Tin Venos irtira u issa t-total ta’ 172 plejer joqgħodu bl-eżatt fi 43 grupp ta’ erba’ fejn tnejn minnhom jikkwalifikaw għat-tieni fażi.  

Il-fażi tal-gruppi hija maqsuma fuq l-ewwel tliet t’ijiem tal-kampjonat u mill-Ħamis, is-86 li jikkwalifikaw jibdew il-fażi tan-knock out filwaqt li s-Sibt isiru l-aħħar tliet logħbiet, iż-żewġ semi-finali u l-finali.

Il-Ħadd il-kontinġent Malti ta’ seba’ plejers immexxija mill-President tal-Malta Billiards and Snooker Association, Ivan Brincat telqu lejn Antalya biex mit-Tnejn jibdew l-impenji tagħhom waqt din l-edizzjoni. Is-seba’ plejers Maltin li ser jipparteċipaw f’dan il-Kampjonat huma, Aaron Busuttil, Brian Cini, Chris Peplow, Alex Borg, Arthur Cachia, Philip Ciantar u Joseph Casha.

Is-seba’ plejers kollha ser ikunu nvoluti fl-ewwel jum pero’ minnhom, Brian Cini, fil-jum tal-ftuħ irid jilgħab darbtejn. Is-sitt plejers Maltin l-oħra għandhom logħba kuljum bejn it-Tnejn u l-Erbgħa.

Brian Cini wkoll ser jiftaħ l-impenji għal Malta waqt ewwel sessjoni li tibda fit-8 am. Huwa ser jilgħab kontra t-Tork, Adil Bilbil filwaqt li fl-aħħar sessjoni li suppost tibda fis-6 pm, Cini jiltaqa’ kontra l-Kroat Sven-Goran Maier.

Bħal ħafna drabi matul dan il-kampjonat, ser isiru sitt sessjonijiet bi spazju ta’ sagħtejn bejn sessjoni u oħra. Fl-ewwel fażi ser jintlagħbu 258 logħba, l-ewwel sessjoni tibda fit-8 am u l-aħħar sessjoni li hija ppjanata li tibda fis-6 pm.

Erba’ plejers l-oħra Maltin fl-ewwel jum ser jilgħabu fl-10 am. Dan huma, Chris Peplow kontra Aleksandr Vlassov tal-Estonja, Joseph Casha kontra l-Awstrijak, Oskar Charlesworth, Aaron Busuttil kontra Roger Reppe tan-Norvegja u Philip Ciantar kontra l-Iskoċċiż, Ross Vallance.

Arthur Cachia ser jilgħab ma Miguel Ruivo tal-Portugal f’nofs in-nhar filwaqt li Alex Borg jibda l-logħba tiegħu fl-4 pm. Huwa ser jiltaqa’ kontra l-Ispanjol, Rafael Argente.

Nota: Kull ħin li qed isir referenza għalih huwa ħin ta’ Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport