Wednesday, April 24, 2024

KAROZZI BL-ELETTRIKU

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Punt imressaq favur il-karozzi elettriċi hu li se jkunu, jekk mhux diġà huma, l-aħjar xirja min-naħa tal-konsumatur għax l-aktar effiċjenti u l-irħas għas-servizz li jagħtu.

Għalkemm parti mir-raġuni għal dan hi li bil-mod kif qed jinbidlu l-iskedi ta’ tassazzjoni, qed tiżdied l-ispiża biex issuq u żżomm karozzi “tradizzjonali”, xorta hawn min jgħid li l-karozzi elettriċi jġibu magħhom piżijiet li mhumiex jissemmew b’mod ċar. Fosthom dak tal-batterija – li jekk “tispiċċa” jew jinqalagħlha xi granċ ta’ problema m’hemmx alternattiva ħlief li tixtri batterija oħra. U z-zalza tiġik ogħla mill-ħut.

Problema oħra li tissemma hi li se jkun hemm bżonn ta’ mettalli mhux komuni għall-manifattura tal-batteriji u dan se joħloq problemi ta’ prezz eventwalment. Ma tantx tissemma l-kwistjoni ta’ kif jiġu ċċarġjati l-karozzi. Għal min m’għandux garaxx, tassew se tkun ħaġa faċli u rħisa biżżejjed biex jinqeda kullimkien?

IS-SOĊJALIŻMU FL-EWROPA

Argument li qed jinfirex fost is-soċjalisti hu li biex jintlaħqu l-għanijiet tas-soċjaliżmu demokratiku ta’ ridistribuzzjoni tal-ġid u ta’ opportunitajiet ugwali għal kulħadd, bilfors li trid tissaħħaħ l-għaqda Ewropea. B’hekk il-poter publiku jkollu l-possibiltà li jirregola kundizzjonijiet soċjali ewlenin. Dan ma jistax jiġri fi żmien globalizzazzjoni rampanti jekk ir-riformi soċjali jibqgħu jittieħdu biss permezz ta’ inizjattivi nazzjonali.

Għadu kemm ressaq l-argument fi ktieb interessanti ħafna id-deputat Spanjol ħabib tiegħi fil-Parlament Ewropew Jonas Fernandez. Jitlaq mill-premessa li l-makkinarju tal-għaqda ekonomiku Ewropea biss jipprovdi l-potenzjal biex is-soċjalisti jġeddu u jwettqu l-proposti soċjali tagħhom. Għalhekk għandhom ikunu fuq ta’ quddiem nett biex jiżviluppaw dal-potenzjal.

Madankollu jidhirli li Fernandez jaqbeż malajr wisq għall-premessa tiegħu. Iqisha bħala evidenti minnha nnifisha, mentri mhijiex. Ukoll it-teżi tiegħu tikkontradixxi f’numru ta’ każi l-għażliet tal-elettorati Ewropej, bħal fi Franza.

IS-SALTNA TAD-DRITT

Id-dibattiti dwar is-saltna tad-dritt għadhom sejrin. Ħaġa ovvja li għandhom mertu. Il-binja Ewropea ma tistax twieżen forzi faxxisti jew anti-demokratiċi. Min-naħa l-oħra, il-kejl ta’ xi jkun rispett jew le ta’ dis-“saltna” jidher li jista’ jiġġebbed bħal-lastku u jipprovdi skop sħiħ għal manipulazzjoni politika.

Jibqa’ miftuħ ukoll għall-istendards doppji. Għadhom friski l-ilmenti tal-President Tork Erdogan dwar kif l-Ewropej ftit urew għaġla jew passjoni biex jikkundannaw il-kolp militari li għal ftit ma għelbux. Imma mbagħad għaġġlu biex jikkritikaw il-miżuri li ħa wara kontra l-kolpisti.

M’inix ngħid li l-Presient Tork kellu raġun fil-kritika tiegħu imma kien ċar li f’dal-każ, ħafna Ewropej taw xhieda ta’ attitudni stramba… biex ma nużax kelma oħra… Wieħed jista’ jsemmi każi oħrajn, simili għalkemm mhux daqstant lampanti. 

Sport