Saturday, May 4, 2024

“Kburi li għandna tifla minn tagħna… Roberta Metsola hija Maltija u qiegħda viċin il-quċċata tal-UE”

Aqra wkoll

F’sessjoni ta’ mistoqsijiet u risposta mill-pubbliku l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, ma naqasx milli jikkritika lill-Prim Ministru Robert Abela għall-ewwel sentejn ta’ ħidma tiegħu, iżda ħa ħsieb li jsemmi lil Roberta Metsola fejn iddikjara li huwa, “kburi li għandna tifla minn tagħna… Roberta Metsola hija Maltija u qiegħda viċin il-quċċata tal-Unjoni Ewropea. Il-Parlament Ewropew għandu ċans li jkollu president Maltija. Jien u l-Partit Nazzjonalista kburin biha u li pajjiżna jissemma’ fit-tajjeb”. 

Grech awgura lil Metsola għall-elezzjoni li se ssir nhar it-Tlieta li ġej fejn saħaq li huwa konvint li hija għandha l-kapaċitajiet kollha meħtieġa . Hawhekk huwa żied li, “nittamaw li l-indikazzjonijiet sbieħ li hemm, ikunu qegħdin jiġu mmaterjalizzati”. Għax-xena lokali Grech qal li bħala partit huma b’qalabhom qawwija għax huwa fiduċjuż li l-poplu qiegħed jirrealizza x’inhuwa jiġri fil-pajjiż u li x-xogħol tagħhom qiegħed iħalli l-frott. Dan b’referenza għar-riżultat tal-aħħar survey li sar fejn Grech qal li Robert Abela naqqas il-fiduċja b’4%. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, filwaqt li insista li huwa favur it-tilqima tal-Covid-19 u li dejjem mexa mal-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa, qal ukoll li huwa favur il-libertà tal-bniedem. Dan b’rabta mal-kwistjoni li hemm persuni li għażlu li ma jieħdux it-tilqima mentri oħrajn li ma jistgħux jeħduha. 

“Din hija kważi inkwiżizzjoni fuq id-drittijiet tan-nies…”

“Aħna qegħdin naraw dak li qegħdin iħossu n-nies. Għandna realtà li hemm persuni li jħossu li l-libertà tagħhom hija mhedda. Mingħajr ma niftiehem li jien kontra l-vaċċin, aħna qegħdin nitkellmu għal dawk l-eluf li minn għada, għax huma bla booster, ma jistgħux imorru għax-xogħol u f’ristoranti fost l-oħrajn. Aħna qegħdin nitkellmu għal dawn in-nies għax għandhom id-drittijiet. Ir-realtà hija li kien hemm min bata u min ħa l-Covid-19 wara t-tilqima. Din hija kważi inkwiżizzjoni fuq id-drittijiet tan-nies,” iddikjarra l-Kap tal-PN.

F’tema li bħalissa qiegħda fuq ilsien kulħadd, dik tas-sitwazzjoni tal-Airmalta, Bernard Grech qal li, “kont inkwetat u rrabjat għax wara kull ħaddiem li jitlef il-ħobża tiegħu hemm familja warajh li se tgħaddi minn diffikultajiet. Huwa tajjeb li ma jispiċċawx bla xogħol u jmorru fis-settur pubbliku imma kien hemm gideb fuq ir-realtà finanzjarja tal-Airmalta. Din hija l-linja tal-ajru nazzjonali tagħna u huwa importanti li tkompli topera. Meta se nkunu fil-gvern se nkunu qegħdin nagħmlu minn kollox biex il-pjan serju li għandna, inkunu nistgħu nimplimentawh. Bħala poplu għandna nifhmu li l-Airmalta hija istituzzjoni importanti u ma nistgħux inħalluha titkisser”.

Temi oħra li tkellem dwarhom kienu li n-negozji għandhom ikunu jafu minn qabel dwar il-wage supplements; il-problema taż-żieda għall-għoli tal-ħajja; l-abbozz ta’ liġi li ppreżenta l-PN dwar kif pajjiżna jerġa’ jikseb reputazzjoni tajba; id-dinjità u s-sigurtà tal-pulizija; u dwar is-settur edukattiv, li għalih il-PN ipprepara għadd ta’ proposti. 

Fost il-proposti tal-PN għas-settur edukattiv ladarba jkun fil-gvern Grech qal li se jinfetħu s-snajja’, li se jsir investiment fuq il-kreattività tat-tfal li huma r-riżorsa ewlenija tal-pajjiż, kif ukoll li jsaħħu u jgħinu lill-edukaturi. Minkejja li l-Kap tal-PN ikkritika t-tmexxija tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, huwa ammetta li l-Ministru Evarist Bartolo kien jagħmel xogħol tajjeb u kredibbli fis-settur edukattiv.

Sport