Friday, April 26, 2024

Kien jitlob lil ommu €40 kuljum għad-droga … spiċċat bla flus biex tixtri l-ikel għaliha stess

Aqra wkoll

L-imħabba tal-omm ma tafx limiti tant li anzjana ta’ 70 sena kienet tati madwar €40 kuljum lil binha biex jixtri d-droga akkost li kienet tibqa’ bil-ġuħ hi u anke minkejja li kien jerfa’ jdejh fuqha. Dan il-każ instema’ fil-Qorti tal-Maġistrati fejn l-iben ġie kkundanat sentejn ħabs wara li beżża’ lil ommu u żammha kontra l-volontà tagħha. 

Il-Qorti sostniet li jidher ċar li l-imputat għandu problema serja ta’ dipendenza fuq id-droga tant li ripetutament kien jitlob lil ommu għall-flus biex isostni dan il-vizzju tant li wassal lill-ommu jgħaddi mill-martirju li jġiba d-dipendenza ta’ binha fuq id-droga. 

Il-Qorti nnutat li l-omm sabet ruħha bejn ħaltejn fejn min-naħa l-waħda għalkemm ma riditx tagħti l-flus lil binha biex jixtri d-droga, u riditu jagħmel programm biex ifiq minn dan il-vizzju, min-naħa l-oħra ma kellhiex għażla ħlief li terfa’ l-piż li din id-dipendenza ġġib magħha peress li binha kien jgħix magħha u ma kienx iħallieha bi kwieta meta kien ikollu bżonn il-flus biex jixtri d-droga.

Fix-xhieda tagħha, l-omm spjegat li jekk binha ma kienx ikollu flus biex jixtri d-droga, kien jiġi “sick” u jibqa’ jiffittaha b’mod persistenti u kien iġegħelha tmur għand ħutha għall-flus. Dan jirriżulta mix-xhieda tal-vittma kif ukoll ta’ oħtha, fejn din ma kinitx l-ewwel darba li wasal biex jhedded lil ommu tagħtih il-flus tant li darba minnhom uża xabla biex jheddidha. 

Il-Qorti qalet li għalkemm l-imputat ċaħad li pponta mus lejn ommu, li ħadilha l-mobile u l-apparati elettroniċi kollha biex ma tkunx tista’ ċċempel, ċaħad ukoll li qalilha biex ma toħroġx minn kamritha. Dwar dan il-Qorti qalet li ma kellha l-ebda dubju dwar il-verżjoni li tat l-omm fix-xhieda tagħha, li kienet konsistenti mill-bidu sal-aħħar. 

L-omm kienet ukoll irrapportat dan kollu lill-pulzija f’Ġunju tas-sena l-oħra. Kien hemm ukoll prova tal-messaġġ li l-vittma bagħtet lil bintha proprju meta kienet fil-karma tagħha beżagħna biex toħroġ kif ukoll il-prova tal-istat ta’ isteriżmu u ta’ paniku li nstabet fih meta bintha waslet fuq il-post. 

Min-naħa tiegħu, l-imputat allega, waqt li kien qed jiġi interrogat li ommu vvintat l-istorja kollha għaliex hi mentalment instabbli. Minkejja li ma rriżulta xejn li jissostanzja dak li qal l-imputat, il-Qorti ħassitha konvinta li jekk effettivament l-omm għandha bżonn kura psikoloġika, din mhi xejn għajr l-effett tal-ansjetà, fastidju u dwejjaq kontinwu, provokat mill-aġir ta’ binha nnifsu. 

Il-Qorti kkunsidrat, għall-fini ta’ piena, li l-imputat diġà nstab ħati ta’ reat ta’ fastidju fuq ommu b’sentenza mogħtija fi Frar tal-2021. Filwaqt li l-Qorti għarfet li huwa għandu problema akuta u serja ta’ dipendenza fuq id-droga, madankollu għarfet ukoll li huwa evidenti li l-imputat mhux lest li jagħraf li għandu bżonn jirrijabilita ruħu u jieqaf milli jkompli jagħti fastidju lil ommu u jieħu l-kura neċessarja.

Kien għalhekk li filwaqt li sabitu ħati ta’ ħamsa minn seba’ akkużi, ikkudannatu sentejn priġunerija effettiva kif ukoll ordnat il-konfiska ta’ €4,000 li bihom kien ingħata l-ħelsien mill-arrest taħt garanzija. Il-Qorti poġġiet lill-ħati taħt ordni ta’ trattament għall-perjodu ta’ tliet snin biex jegħleb il-vizzju tal-abbuż mid-droga. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef. 

Sport